Gabriele Bischoff fil-Jum Internazzjonali tan-Nisa

Fil-Jum Internazzjonali tan-Nisa niċċelebraw in-nisa, filwaqt li ma niftakrux biss f’dak li ksibna, iżda f’dak li għad baqgħalna x’nagħmlu. Din is-sena, il-Grupp tal-Ħaddiema qed jiffoka b’mod partikolari fuq l-irġiel. Għalfejn l-enfasi fuq l-irġiel fil-jum li fih niċċelebraw in-nisa? Għaliex l-ugwaljanza bejn is-sessi mhijiex biss kwistjoni tan-nisa. Mingħajr l-involviment tal-irġiel qatt m’aħna se niksbu tassew l-ugwaljanza bejn is-sessi.

Fl-Unjoni Ewropea, il-medja tat-teħid tal-liv tal-paternità u/jew il-liv tal-ġenituri mill-irġiel hija ta’ 10% biss. F’xi Stati Membri din hija baxxa sa 5%. In-nisa jġorru r-responsabbiltà ewlenija li jieħdu ħsieb it-tfal jew persuni dipendenti oħrajn, kif ukoll jagħmlu l-maġġoranza tax-xogħol fid-dar. Qatt m’aħna se niksbu l-ugwaljanza bejn is-sessi mingħajr ma nindirizzaw dawn l-isterjotipi.

Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal leġislazzjoni dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw ċertament tkun ta’ għajnuna. Se tintroduċi d-dritt għal liv tal-paternità imħallas għall-missirijiet fiż-żmien tat-twelid. Se tintroduċi wkoll liv tal-ġenituri imħallas. Il-ġenituri diġà jistgħu jieħdu l-liv tal-ġenituri saż-żmien meta l-wild ikollu tmien snin, madankollu l-ħlas ma huwiex obbligatorju. Din hija waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex huma biss ftit irġiel li jieħduh. Il-Kummissjoni tipproponi li l-liv tal-ġenituri jkun imħallas u disponibbli sakemm il-wild ikollu tnax-il sena. Tipproponi wkoll dritt ġdid għal ħamest ijiem liv bi ħlas għal persuni li jindukraw.

Dan huwa l-valur miżjud tal-Ewropa: l-issettjar ta’ standards minimi komuni. Din hija l-Ewropa tagħna, Soċjali, Ġusta u Demokratika.

Fit-8 ta’ Marzu, jien dejjem niftakar fl-għanja sabiħa tal-moviment tagħna:

Irridu l-għixien iżda l-ward ukoll. Din is-sena rridu wkoll id-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

#Irrid il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

F’Solidarjetà

Gabriele Bischoff hija l-president tal-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE.