L-impjegaturi ser jiddiskutu l-miżuri biex jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet

mill-Grupp ta’ Min Iħaddem

Il-Grupp ta’ Min Iħaddem, flimkien ma’ assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi ewlenin Bulgari, ser jorganizza konferenza f’Sofia, il-Bulgarija fit-22 ta’ Marzu bl-isem It-tnaqqis tad-diskrepanzi fil-ħiliet għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi - perspettiva tan-negozju Il-membri tal-panel ser jaqsmu l-aħjar prattiki u jiddiskutu soluzzjonijiet konkreti biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-ħiliet. L-avveniment huwa parti mill-kalendarju tal-Presidenza Bulgara tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

X’inhuma r-raġunijiet għal dan in-nuqqas tat-tlaqqigħ tal-ħiliet attwali? Kif nistgħu nippromwovu l-ħiliet xierqa, meħtieġa f’ekonomija bbażata fuq l-għarfien? Kif jistgħu s-sistemi tal-edukazzjoni jiġu adattati għall-isfidi moderni? X’tip ta’ riformi huma meħtieġa? X’għandu jsir fil-livell Ewropew u dak nazzjonali? Dawn huma xi ftit mill-mistoqsijiet li l-parteċipanti tal-konferenza ser jipprovaw jirrispondu. Il-konferenza se tlaqqa’ kelliema minn organizzazzjonijiet ta’ imjegaturi nazzjonali u Ewropej, il-Gvern u l-Parlament Bulgaru u l-aġenziji tal-UE.

Id-diskrepanza fil-ħiliet hija sfida li qed tikber għall-kumpaniji Ewropej. L-impjegati b’ħiliet rilevanti huma kruċjali għall-kompetittività tal-kumpaniji. Erbgħin fil-mija tal-impjegaturi qed isibuha diffiċli biex isibu n-nies bil-ħiliet li għandhom bżonn biex jikbru u jinnovaw. Fl-istess ħin, 70 miljun Ewropew ma għandhomx ħiliet ta’ qari u kitba xierqa u aktar minn hekk għandhom ħiliet matematiċi u diġitali dgħajfa. (lj)