Ħadd ma jitħalla lura: Il-KESE impenjat li l-ekonomija ċirkolari ssir "l-istatus quo”

Waqt il-ftuħ tal-Konferenza tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari tal-Kummissjoni Ewropea fl-20 ta’ Frar, il-President tal-KESE, Georges Dassis, qal: “it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari hija opportunità importanti għas-soċjetà ċivili. Diġà qed isseħħ fuq il-post…. Madankollu, jeħtieġ li niżguraw li tiġi aċċettata b’mod wiesa’. Li ħadd ma jitħalla lura huwa wieħed mill-objettivi tal-Pjattaforma tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari, spazju kruċjali fejn għandha tissawwar din ix-xorta ta’ viżjoni kondiviża tat-tranżizzjoni lejn ekonomija Ewropea ċirkolari u sostenibbli”.

It-tieni ġurnata tal-konferenza, li kienet ospitata mill-KESE, iffokat fuq l-ideat u l-azzjonijiet li qed jiġu introdotti madwar l-Ewropa, fejn l-SMEs, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, il-ħaddiema, il-bdiewa, il-manifatturi u l-konsumaturi qed jimplimentaw l-ekonomija ċirkolari fuq il-post.

Il-KESE laqa’ ’l fuq minn 300 parteċipant biex jieħdu sehem f’16-il sessjoni ta’ ħidma paralleli fejn b’mod attiv setgħu jaqsmu l-għarfien u l-aħjar prattiki u jindividwaw l-ostakli għall-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari.

Is-suġġetti għad-diskussjoni inkludewil-possibilità ta' tiswija u l-ekodisinn, ir-rwol tal- iskart, ir-responsabbiltà estiża tal-produttur, l-approċċ ċirkolari fis-settur agroalimentari u tal-forestrija, l-ekonomija ċirkolari fuq livell globali, id-dimensjoni tal-impjiegi tagħha, il-finanzjament ekoloġiku, il-ħolqien ta’ komunità għas-soluzzjoni tal-problemi u l- SMEs fir-rigward tal-ekonomija ċirkolari.

Dak li ħareġ mid-diskussjonijiet kien li l-ħin kien qiegħed jagħfas u li l-atturi kollha kellhom ikunu involuti. Il-komunità tal-ekonomija ċirkolari kellha l-ħtieġa li tkun inklużiva kemm jista’ jkun u li l-esperjenzi prattiċi jkunu kondiviżi sal-massimu biex joħolqu effett multiplikatur.

Iż-żieda fir-ritmu u l-mobilizzazzjoni kemm jista’ jkun wiesgħa tal-forzi huma l-kompiti ewlenin li għandhom jinkisbu mill-KESE, permezz tal-ġestjoni tas-sit web u l-iżvilupp ta’ komunità ta’ partijiet interessati li tkun tassew impenjata u kooperattiva.

Rapport sħiħ bis-sejbiet ewlenin tal-Konferenza ser jittella’ dalwaqt fuq is-sit web tal- Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari. (dm)