Il-KESE qed isejjaħ għal aktar investiment pubbliku biex jiġi promoss it-tkabbir ekonomiku fl-UE

Fl-Opinjoni reċenti tiegħu dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) għall-2018 tal-Kummissjoni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ġibed l-attenzjoni lejn l-importanza strateġika tas-Semestru Ewropew, iżda qal li huwa favur l-estensjoni tiegħu bi skop, sabiex tiġi żgurata mhux biss is-sostenibilità ekonomika u soċjali, iżda wkoll dik ambjentali fil-politiki makroekonomiċi tal-UE.

Il-Kumitat faħħar l-inklużjoni ta’ indikaturi soċjali – it-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali – fis-SAT 2018, u jsostni li din saħħet id-dimensjoni soċjali tas-Semestru Ewropew.

“Il-KESE jaqbel li s-Semestru jappoġġja l-Pilastru Soċjali tas-Semestru Ewropew sabiex isir għodda għal kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol aħjar għaċ-ċittadini Ewropej. Nixtiequ naraw l-objettivi tal-Pilastru inklużi fil-politiki u d-deċiżjonijiet meħuda,” qal ir-relatur għall-Opinjoni, Dimitris Dimitriadis.

Il-Kumitat wiegħed li se jkompli jikkontribwixxi għas-Semestru, iżda semma wkoll il-ħtieġa li jiżdied l-involviment tas-soċjetà ċivili u jitħeġġeġ l-investiment pubbliku.

L-investiment pubbliku għandu jinkludi spinta lill-investiment soċjali f’miżuri li jrawmu l-edukazzjoni u t-taħriġ u jtejbu s-servizzi pubbliċi, l-infrastruttura tal-kura u l-koeżjoni soċjali madwar l-UE, bil-għan li tingħata spinta lill-iżvilupp tal-kapital uman u l-iżgurar ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati kif ukoll dimensjoni soċjali qawwija.

Barra minn hekk, il-KESE qal li kien qed jenfasizza l-bżonn ta’ approċċ mhux sistematiku għal riformi strutturali, li għandhom jitwettqu biss meta jkun meħtieġ. (ll)

Fir-ritratt: Dimitris Dimitriadis, relatur tal-KESE