Il-KESE mistieden jieħu sehem fil-proġett ta' konsultazzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej ta' Emmanuel Macron

Il-KESE għandu rwol essenzjali x’jaqdi fil-konsultazzjonijiet pubbliċi proposti mill-President Franċiż, peress li l-inizjattivi li jittieħdu ta’ kuljum mill-KESE, li jippermettu lis-soċjetà ċivili jkollha vuċi fit-tfassil tal-Ewropa fl-ogħla livell, huma fundamentalment f’konformità mal-idea wara konsultazzjonijiet. Dan kien il-messaġġ imwassal minn Nathalie Loiseau, il-ministru Franċiż għall-affarijiet Ewropej, fid-diskors tagħha waqt is-sessjoni plenarja tal-KESE fi Brussell fil-15 ta’ Frar.

Il-ministru spjegat il-punti prinċipali tal-proġett tal-President Franċiż Emmanuel Macron biex titnieda sensiela ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi madwar l-Istati Membri sabiex l-Ewropa terġa’ tinbena abbażi tal-aspirazzjonijiet u proposti, iżda wkoll il-kritika u t-tħassib, espressi mill-ġnus tal-Ewropa matul il-konsultazzjonijiet.

“L-għan huwa li l-Ewropej jingħataw opportunità ġdida biex jitkellmu sabiex inkunu nistgħu nidentifikaw dawk l-oqsma fejn il-preżenza tal-Ewropa hija dgħajfa wisq, dawk fejn in-nies jixtiequ li l-Ewropa tieħu azzjoni ta’ tip differenti, u dawk fejn in-nies jistgħu saħansitra jħossu li l-Ewropa hija invadenti wisq”, spjegat il-ministru.

L-idea hija li jiġi mobilizzat numru sostanzjali ħafna ta’ persuni billi jiġu organizzati dibattiti klassiċi, konsultazzjonijiet onlajn u avvenimenti ta’ parteċipazzjoni demokratika.

Il-President tal-KESE, Georges Dassis, laqa’ l-inizjattiva, u rrefera għal żewġ settijiet ta’ konsultazzjonijiet fuq skala kbira – ispirati mill-istess filosofija – li saru mill-KESE tul dawn l-aħħar sentejn fl-Istati Membri tal-UE, waħda dwar is-sitwazzjoni tal-migranti u l-oħra dwar il-White Paper dwar il-ġejjieni tal-Ewropa.

Il-ministru ħabbret li 24 pajjiż tal-UE diġà impenjaw ruħhom biex jieħdu sehem fil-konsultazzjonijiet, skedati li jsir bejn April u Ottubru 2018. Ir-riżultati għandhom jikkontribwixxu għal studju mill-Kapijiet ta’ Stat u Gvern, li għandu jeżamina r-rakkomandazzjonijiet fil-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2018. (dm)