Il-KESE fil-Jum tal-Industrija Ewropea

“L-isfidi għall-industrija tal-Ewropa huma straordinarji, u l-ebda Stat Membru ma jista’ jiffaċċjahom waħdu. Iżda l-opportunitajiet huma enormi. Irridu naħtfuhom biex inżommu t-tmexxija tagħna f’bosta oqsma fejn diġà għandna u nirkuprawha fejn kważi ntilfet lill-kompetituri”.

Din it-triq, madankollu, tista’ tkun ta’ suċċess biss jekk it-28 Stat Membru jaġixxu flimkien, mhux individwalment. Għalhekk nistieden lill-Kummissjoni u ’l-Istati Membri biex jikkombinaw il-bosta politiki eżistenti fi strateġija unika aktar fit-tul u biex il-pajjiżi tagħna jieħdu impenn favur azzjoni koerenti li tappoġġja lir-raggruppamenti industrijali minn naħa għall-oħra tal-fruntieri nazzjonali", qal Gonçalo Lobo Xavier, President tal-KESE, fil-Jum tal-Industrija Ewropea.

Fl-Opinjoni tiegħu dwar "Investiment fi tkabbir intelliġenti, innovattiv u sostenibbli," adottata fil-15 ta’ Frar, il-KESE appella għall-ikkompletar tas-suq uniku, inkluż is-suq tal-kapital. Huwa partikolarment meħtieġ li jissaħħu l-istandardizzazzjoni u l-awtoregolamentazzjoni.

“L-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u ċirkolari toffri ħafna opportunitajiet ta’ negozju. Sabiex naħtfuhom, għandna bżonn qafas komuni u strateġija fit-tul, kif ukoll l-impenn tal-Istati Membri favur azzjoni koerenti. Barra minn hekk, l-intrapriżi tagħna jeħtieġu kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni. Għalhekk il-Kummissjoni għandha b’mod attiv tindirizza l-prattiki kummerċjali inġusti” qal ir-relatur tal-Opinjoni Bojidar Danev.

Peress li l-istruttura tas-suq tax-xogħol se tinbidel drammatikament, il-KESE jrid li jkun hemm valutazzjonijiet adatti sabiex jiġi evitat kwalunkwe impatt negattiv fuq l-impjegati. Is-soluzzjonijiet ta’ tagħlim ibbażati fuq ix-xogħol jeħtieġ jiġu applikati b’mod aktar wiesa’ sabiex jippermettu lill-ħaddiema kollha itejbu l-ħiliet u l-kapaċitajiet diġitali tagħhom .

“In-nies iridu jkunu fil-qalba tal-bidla”, saħqet il-korelatur tal-Opinjoni Monica Sitarová Hrušecká. “L-opportunitajiet offruti minn teknoloġiji ġodda mhux biss għandhom jiġu sfruttati biex jinħolqu prodotti ġodda, iżda anke biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-persunal”. (sma)

Fir-ritratt: Gonçalo Lobo Xavier, Viċi President tal-KESE