Ir-riforma tas-SESF hija pass importanti fit-triq lejn l-ikkompletar tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali

Financial integration

Il-KESE jirrakkomanda t-twaqqif bla dewmien tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, filwaqt li jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni għar-riforma tal-korpi tas-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja billi jissaħħu l-kompetenzi tagħhom u jittejbu l-governanza u l-finanzjament tagħhom.

“Ir-riformi proposti huma pass importanti fit-triq lejn aktar integrazzjoni u konverġenza,” qal Daniel Mareels (Min Iħaddem, BE), relatur għall-Opinjoni dwar is-SESF – Riformi. “Ir-riformi jipprovdu elementi fundamentali ġodda għall-ikkompletar tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u jiżguraw li s-swieq finanzjarji jiġu regolati kif imiss, u li jkunu b’saħħithom u stabbli”.

Fil-fehma tal-Kumitat, Unjoni tas-Swieq Kapitali li taħdem mingħajr xkiel CMU b’superviżjoni integrata tikkontribwixxi għal iżjed tranżazzjonijiet transkonfinali tas-suq, u l-kondiviżjoni privata u transkonfinali tar-riskji tagħmel lill-Istati Membri aktar reżiljenti għax-xokkijiet asimmetriċi u tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku fiż-żona tal-euro.

Il-KESE huwa tal-fehma li r-riformi tas-SESF għandhom jikkontribwixxu għall-ksib ta’ superviżur uniku tas-swieq kapitali Ewropej, iżda li aktar passi favur l-integrazzjoni jitolbu djalogu u konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti kollha.

Rigward l-istabbiliment tal-kompetenzi tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u Ewropej, huwa jħeġġeġ li jiġu applikati l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità fejn possibbli, u li jiġu żgurati ċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali. Barra minn hekk, għandhom jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fis-superviżjoni li jimpedixxu t-twettiq tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

B’ħarsa lejn il-futur, il-KESE huwa tal-fehma li l-iżviluppi u t-teknoloġiji ġodda – pereżempju FinTech – kif ukoll finanzjament iżjed sostenibbli għandhom jiġu riflessi fis-sistema tas-superviżjoni. Fl-aħħar nett, il-Kumitat jitlob li tiġi żgurata t-trasparenza ta’ kull tibdil fid-distribuzzjoni tal-ispejjeż u l-kontroll adatt tar-riżorsi globali. (jk)