Il-KESE jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex iħaffu fit-tlestija tal-UEM

L-Istati Membri għandhom jaħdmu b'mod urġenti fuq UEM aktar stabbli, prospera u aktar reżiljenti. Għaldaqstant, hemm bżonn ta’ aktar miżuri fuq livell nazzjonali u dak tal-UE: din hija waħda mill-konklużjonijiet ewlenin ta’ dibattitu pubbliku dwar it-tlestija tal-UEM, ospitat reċentement mill-KESE.

Esperti ekonomiċi u istituzzjonali u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili qablu li l-isfidi attwali u t-tagħlimiet meħuda minn kriżijiet tal-passat urew b’mod ċar ħtieġa li tiġi riformata u li titlesta l-UEM, filwaqt li l-irkupru ekonomiku attwali fl-UE kollha u ż-żieda tal-appoġġ ċiviku għall-euro pprovdew opportunità eċċellenti biex isir dan.

Il-parteċipanti fid-dibattitu raw ħtieġa partikolari għat-tlestija rapida tal-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali sabiex nersqu lejn it-tlestija tal-UEM. Huma ħeġġew lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiżguraw is-sostenibbiltà tal-finanzi futuri u jsibu l-aħjar bilanċ bejn ir-responsabbiltà u s-solidarjetà fid-deċiżjonijiet futuri dwar l-UEM.

Ġew ippreżentati erba’ aċċelleraturi li jistgħu jintużaw fil-livell tal-UE sabiex jimmassimizzaw l-effetti tar-riformi strutturali domestiċi: strateġija makroekonomika komuni taż-żona tal-euro biex tindirizza xokkijiet asimmetriċi, approċċ konġunt għall-finanzjament tal-investiment u innovazzjoni fil-livell mikroekonomiku, baġit taż-żona tal-euro biex jiffinanzja ċerti beni pubbliċi Ewropej, u qafas istituzzjonali aktar effettiv u responsabbli li, pereżempju, jagħti liż-żona tal-euro, ministru tal-finanzi

Ir-relaturi tal-KESE, Mihai Ivaşcu (Interessi Varji) u Stefano Palmieri (Ħaddiema), ser jinkludu r-riżultati tad-dibattitu f’ Opinjoni dwar il-pakkett tal-EMU tal-Kummissjoni, li ser jitressaq għall-votazzjoni f’April li ġej. (jk)