L-UE għandha tieħu azzjoni fis-settur tat-teknoloġija medika

L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom ikunu minn ta’ quddiem nett fl-ottimizzazzjoni tal-industrija tat-teknoloġija medika fl-Ewropa, peress li l-prestazzjoni tagħha bħalissa qed tbati minn frammentazzjoni eċċessiva u kompetizzjoni dejjem tikber, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) qal fis-sessjoni plenarja tiegħu fl-14 ta’ Frar.

Fl-opinjoni tiegħu dwar” Tibdil industrijali fis-settur tas-saħħa”, il-KESE wissa li l-kompetituri diġà qed iħabbtu mal-bieb tal-Ewropa. In-negozjati kummerċjali għalhekk iridu jiżguraw produzzjoni Ewropea aġġornata fil-provvista ta’ kura tas-saħħa universali. 

“Hija r-responsabbiltà tal-UE li tintegra s-settur tat-teknoloġija medika, tgħaqqad inizjattivi fil-pajjiżi u r-reġjuni u tassigura li huwa kapaċi jopera fid-dinja globali. Il-gvernijiet Ewropej, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni, ir-regolaturi, ir-rappreżentanti tal-pazjenti u tal-istaff mediku, u l-industrija jridu jaħdmu flimkien biex jikkooperaw u jiżviluppaw strateġija komuni,” qal ir-relatur Joost van Iersel.

“Barra minn hekk, il-fattur uman huwa ta’ importanza kbira”, żied jgħid il-korelatur Enrico Gibellieri. It-tranżizzjoni lejn settur ġdid tas-saħħa u tal-kura tas-saħħa teħtieġ moħħ miftuħ, forom ġodda ta’ professjonaliżmu u tfassil mill-ġdid tax-xogħol relatat mas-saħħa u l-kura tas-saħħa. Id-djalogu soċjali Ewropew fis-settur tas-saħħa u s-servizzi soċjali għandu jissaħħaħ, b’enfasi fuq l-edukazzjoni u programmi ta’ taħriġ u l-kwalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.”

Filwaqt li s-settur tat-teknoloġija medika huwa settur dinamiku u għadu f’pożizzjoni ta’ tmexxija, l-isfidi li l-industrija qed tiffaċċja bħalissa – inklużi prattiki kummerċjali inġusti u frammentazzjoni għolja – għandhom jiġu indirizzati issa sabiex nadattaw malajr għal ambjent li dejjem qed jinbidel. (sma)