Ir-rwol tat-Turkija fil-kriżi tar-refuġjati hija kruċjali, iżda hemm lok għal titjib

F’ opinjoni adottata fil-plenarja ta’ Frar, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) qal li huwa rrikonoxxa l-isforzi tat-Turkija sabiex jospitaw aktar minn tliet miljun refuġjat, iżda enfasizza l-ħtieġa li jagħtuhom protezzjoni mhux diskriminatorja meħtieġa bil-liġi internazzjonali.

Il-KESE kkritika l-fatt li r-refuġjati fit-Turkija jaffaċċjaw “ostakli serji, nuqqasijiet u problemi fl-aċċess għax-xogħol u servizzi bażiċi, bħalma huma s-saħħa u l-benessri, l-edukazzjoni u, b’mod aktar ġenerali, l-integrazzjoni fis-soċjetà.”

Min-naħa l-oħra, il-prestazzjoni tal-Istati Membri tal-UE f’termini ta’ risistemazzjoni u rilokazzjoni tar-refuġjati għadha diżappuntanti, enfasizza r-relatur Dimitris Dimitriadis u żied jgħid li l-KESE kkundanna bil-qawwa l-attitudni ksenofobika ta’ xi Stati Membri għall-kriżi tar-refuġjati.

Huwa qal li l-KESE kien qed jitlob it-twaqqif ta’ mekkaniżmu li jkun jista’ jimmonitorja jekk iż-żewġ naħat kienux konformi mad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija dwar ir-Refuġjati, milħuq fl-2016 biex titnaqqas il-migrazzjoni irregolari.

Il-KESE esprima wkoll tħassib dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija, kif ukoll ostakli li jiltaqgħu magħhom dejjem aktar l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Torka, minħabba l-kontribut importanti tagħhom għas-sitwazzjoni umanitarja tar-refuġjati.

“Din hija sfida kbira għal pajjiż li jospita numru daqstant kbir ta’ migranti, iżda dan ma jneħħix ir-responsabbiltà biex dawn jintlaqgħu b’mod dinjituż”, il-membri tal-KESE kkonkludew matul id-diskussjoni dwar l-opinjoni. (ll)