Il-KESE jressaq proposti biex iċ-ċibersigurtà ssir realtà

L-UE għandha ssaħħaħ il-mandat tal-ENISA bħala l-aġenzija għaċ-ċibersigurtà tal-UE, toħloq qafas ta’ ċertifikazzjoni fil-livell Ewropew, u tiffoka fuq l-edukazzjoni u l-ħarsien tal-utenti tal-internet.

F’Opinjoniadottata fis-sessjoni plenarja ta’ Frar u abbozzata minn Alberto Mazzola u Antonio Longo, il-KESE jappoġġja b’mod ġenerali il- pakkett dwar iċ-ċibersigurtà mressaq mill-Kummissjoni Ewropea.

Skont stħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru dwar “L-attitudnijiet tal-Ewropej lejn iċ-ċibersigurtà”, 73 % tal-utenti tal-Internet jinsabu mħassbin li l-informazzjoni personali onlajn tagħhom tista' ma tinżammx sigura mis-siti web u 65 % li tista' ma tinżammx sigura mill-awtoritajiet pubbliċi. Ħafna minn dawk li wieġbu jinsabu mħassba li jisfaw vittmi ta' diversi forom ta' ċiberkriminalità, u b'mod speċjali dwar softwer malizzjuż fuq l-apparat tagħhom (69 %), is-serq tal-identità (69 %) u frodi tal-kards bankarji u fl-operazzjonijiet bankarji onlajn (66 %).

Sabiex jissaħħaħ il-qafas Ewropew għaċ-ċibersigurtà, il-Kumitat jipproponi għadd ta’ miżuri prattiċi.

  • It-tisħiħ tal-ENISA bħala l-aġenzija taċ-ċibersigurtà tal-UE

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-mandat tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) għandu jsir permanenti. Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li l-ENISA għandha tingħata aktar riżorsi finanzjarji u tiffoka l-azzjoni tagħha biex tappoġġja l-gvern elettroniku u identità diġitali għal persuni u organizzazzjonijiet.

  • Ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà Ewropea

Il-Kumitat jemmen li għandu jiġi stabbilit qafas tal-UE għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà b’rekwiżiti differenti skont is-setturi. L-iskemi ta’ ċertifikazzjoni għandhom jgħinu biex tiżdied is-sigurtà skont il-ħtiġijiet u l-għarfien tat-theddid fil-preżent u għandhom ikunu bbażati fuq standards taċ-ċibersigurtà u tal-ICT Ewropej definiti b'mod konġunt fuq livell internazzjonali.

  • Il-fattur uman: l-edukazzjoni u l-protezzjoni

Il-KESE jaħseb li l-proposta tal-Kummissjoni għandha tiffoka fuq it-titjib tal-ħiliet ċibernetiċi fost l-individwi u n-negozji u jirrakkomanda tliet linji ta’ azzjoni: tagħlim tul il-ħajja u programmi ta’ taħriġ, kampanji ta' sensibilizzazzjoni, u l-ħolqien ta’ kurrikulu ċċertifikat mill-UE għall-iskejjel sekondarji u għall-professjonisti. (mp)

Fir-ritratt: Alberto Mazzola, Relatur tal-KESE u Antonio Longo, Korelatur tal-KESE tal-Opinjoni dwar l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà.