Azzjoni klimatika: jeħtieġ li nibagħtu sinjal qawwi lill-atturi mhux statali

Fl-Opinjoni tiegħu dwar It-tisħiħ ta’ azzjonijiet dwar il-klima minn atturi mhux statali, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jipproponi li jkun hemm Djalogu Ewropew, li l-għan ewlieni tiegħu jkun li jagħmel l-impenn lejn it-tibdil fil-klima aktar attraenti għad-diversi partijiet ikkonċernati mhux statali sabiex dan isir l-istandard il-ġdid.

"Diġà għandna ħafna proġetti żgħar fl-enerġija, it-trasport, l-agrikoltura, il-forestrija, eċċ. u jeħtieġ li jkunu iktar viżibbli u li nagħtuhom appoġġ akbar, kemm permezz ta’ regolazzjoni aħjar kif ukoll b’aċċess iktar faċli għal fondi. Huwa importanti li jintbagħat messaġġ qawwi u pożittiv lin-negozji ż-żgħar u s-soċjetà ċivili", qal ir-relatur Mindaugas Maciulevičius.

Skont l-istħarriġ tal-KESE fost atturi mhux statali, l-aktar ħtiġijiet urġenti tagħhom huma:

  • politika ta’ appoġġ/l-ambjent leġisattiv;
  • l-aċċess għall-fondi pubbliċi u inċentivi fiskali;
  • l-iskambju tal-għarfien u l-aħjar prattiki/eżempji li għandhom jiġu segwiti, il-bini tal-kapaċità;
  • titjib fil-kooperazzjoni bejn id-diversi atturi fl-isferi privati u pubbliċi.

“Minkejja it-tmexxija globali tagħha, l-UE m’għandhiex qafas intern li joħloq ambjent favorevoli għal azzjonijiet klimatiċi mhux statali”, żied jgħid il-korelatur Josep Puxeu Rocamora, “u huwa l-kompitu tagħna li nfakkru lill-Kummissjoni tar-responsabilità tagħha”.

Id-Djalogu Ewropew għandu jwieġeb għall-ħtiġijiet ta’ atturi mhux statali, jagħti prijorità lir-rabta strateġika ta’ prorammi, inizjattivi u istituzzjonijiet eżistenti, u jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet dwar il-klima. L-ewwel pass lejn Djalogu Ewropew għandu jkun avveniment fl-2018 li jlaqqa’ flimkien in-netwerks tal-partijiet interessati, ir-rappreżentanti mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri. (sma)