Il-Grupp ta’ Min Iħaddem eleġġa l-kandidati tiegħu għal karigi ewlenin fil-KESE għall-2020-2022

Mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

Il-Grupp ta’ Min Iħaddem eleġġa lil Jacek Krawczyk – il-president attwali tal-grupp – bħala l-kandidat tiegħu għall-presidenza li jmiss tal-KESE. Stefano Mallia ġie elett bħala l-president li jmiss tal-grupp. Il-membri tal-grupp eleġġew ukoll il-kandidati tagħhom għal għadd ta’ karigi ewlenin oħra għall-mandat li jmiss tal-KESE.

Is-Sur Krawczyk irċieva 66 vot mill-95 mixħuta. Il-kandidat l-ieħor, Gonçalo Lobo Xavier, kiseb 21 vot, bi 8 voti jitħallew vojta. Jacek Krawczyk ilu l-president tal-Grupp ta’ Min Iħaddem mill-2013. Huwa l-viċi president tal-Konfederazzjoni Lewiatan, l-akbar organizzazzjoni ta’ min iħaddem fis-settur privat fil-Polonja. Qabel kellu l-kariga ta’ CEO ta’ diversi banek u kumpaniji elenkati fil-Borża ta’ Varsavja u ppresieda l-bordijiet superviżorji ta’ kumpaniji minn diversi fergħat tal-ekonomija. Huwa kien involut ukoll fit-tranżizzjoni tal-Polonja lejn ekonomija tas-suq ħieles, meta serva bħala Segretarju tal-Istat fil-Ministeru tal-Industrija u l-Kummerċ.

Stefano Mallia ġie elett bħala l-president li jmiss tal-Grupp ta’ Min Iħaddem. Ilu membru tal-KESE mill-2010 u attwalment huwa l-viċi president tal-Grupp ta’ Min Iħaddem u president tal-Grupp ta’ Segwitu dwar il-Brexit tal-KESE. Is-Sur Mallia huwa partner fi ħdan  EMCS ltd. u espert fl-affarijiet tal-UE, fejn jispeċjalizza fil-Fondi Strutturali tal-UE u l-finanzjament tal-SMEs. Tul is-snin, huwa wettaq kompiti għall-Kummissjoni Ewropea u għall-Gvern ta’ Malta, kif ukoll għal intrapriżi privati.

Il-membri tal-grupp għażlu wkoll il-kandidati tagħhom għal għadd ta’ karigi għoljin oħra tal-KESE: Milena Angelova għar-rwol ta’ kwestur (responsabbli għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-regoli dwar ir-drittijiet u d-dmirijiet tal-membri); Dimitris Dimitriadis għall-kariga ta’ president tas-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni, Christa Schweng għar-rwol ta’ president tas-Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, u Pietro Francesco De Lotto għall-kariga ta’ president tal-Kummissjoni Konsultattiva għall-Bidliet Industrijali.

Il-kandidati se jidħlu fil-karigi tagħhom – wara li jiġu kkonfermati mill-assemblea – f’Ottubru 2020, meta l-KESE jibda l-mandat il-ġdid tiegħu. F’Marzu, il-grupp se jorganizza t-tieni mewġa ta’ elezzjonijiet, u jipproponi l-kandidati tiegħu għall-viċi presidenti tas-sezzjonijiet, u l-presidenti u l-viċi presidenti tal-osservatorji, il-kumitati ta’ segwitu u l-gruppi konsultattivi. (lj)