Futur ekoloġiku: l-Ewropa trid turi t-triq u tmexxi bl-eżempju

Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima kienet fuq quddiem nett fl-aġenda tas-sessjoni plenarja ta’ Jannar tal-KESE, li ospitat dibattitu dwar il-COP25 u l-Patt Ekoloġiku Ewropew u bagħtet messaġġ ċar: jeħtieġ li jittieħdu miżuri urġenti biex il-protezzjoni tal-klima u l-iżvilupp sostenibbli jsiru realtà, u l-Unjoni Ewropea għandha tkun minn ta’ quddiem.

Il-President tal-KESE Luca Jahier kien ċar daqs il-kristall bi kliemu: “Ninsabu f’mument kritiku. Sfortunatament, id-dinja mhijiex fit-triq it-tajba biex tilħaq l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima jew il-miri tal-SDGs u dan jista’ jkollu implikazzjonijiet devastanti għalina lkoll. Fil-KESE ninsabu konvinti li l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għandha tkun il-prijorità ewlenija tal-UE għall-għaxar snin li ġejjin. L-Ewropa trid tkun quddiem nett – il-mexxejja globali dwar il-klima!”

Is-Sur Jahier ikkundanna n-nuqqas ta’ rieda politika fost il-pajjiżi li attendew il-COP25 f’Madrid fir-rigward taż-żieda fl-isforzi relatati mal-klima; dan wassal għal riżultat medjokri fis-summit internazzjonali dwar il-klima. Madankollu, huwa faħħar il- Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-impenn sod tagħha għan-newtralità tal-klima sal-2050.

F’dan ir-rigward, Virginijus Sinkevičius , il-Kummissarju għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd, indika li l-Pakkett Ekoloġiku ma kienx biss mod kif tiġi indirizzata l-problema tat-tibdil fil-klima, iżda wkoll l-espressjoni ta’ ambizzjoni biex jiġu żgurati t-tkabbir ekonomiku u l-ġustizzja soċjali. “Huwa dwar in-nies u s-soċjetà, huwa Pakkett Ekoloġiku li ma jħalli lil ħadd barra”, huwa ddikjara, filwaqt li enfasizza li l-Istrateġija dwar il-Bijodiversità, il-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari u soluzzjonijiet sistematiċi oħra biex jintlaħqu l-għanijiet tat-tibdil fil-klima jkunu jindirizzaw kemm lin-nies kif ukoll lill-pjaneta, billi jiġbru flimkien lis-setturi u ’l-atturi kollha. (mp)