Neħtieġu ekonomija ta’ benesseri li taħdem għan-nies u għall-pjaneta

L-UE tinsab taħt pressjoni biex tirrispondi għal sfidi b’diversi aspetti li jirriżultaw minn deċennju ta’ tfixkil ekonomiku, mill-kriżi tal-migrazzjoni, mill-iskuntentizza soċjali u mid-degradazzjoni ambjentali. Kif il-KESE jiddikjara f’Opinjoni adottata f’Jannar, l-UE għandha bżonn terġa’ tivvinta lilha nnifisha malajr għall-benefiċċju tal-poplu tagħha.

Din l-Opinjoni tal-KESE tipprova tiddefinixxi kif għandha tkun l-ekonomija sostenibbli li neħtieġu, waqt li tesplora viżjoni ġdida ta’ prosperità għall-poplu u l-pjanetà li tlaqqa’ flimkien id-dimensjonijiet soċjali, ambjentali u soċjali. Tappella wkoll għal mudelli ekonomiċi ġodda, deċiżjonijiet ta’ investiment biex jiġu sfruttati l-avvanzi teknoloġiċi u indikaturi ġodda għall-ekonomija tal-benesseri.

Bl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u bil-Patt Ekoloġiku Ewropew, fl-aħħar l-UE għamlet dawn il-kwistjonijiet l-ogħla prijoritajiet tagħha. Madankollu, dan il-Patt Ekoloġiku jeħtieġ li jsir Patt Ekoloġiku u Soċjali ġenwin

“Biex niżguraw tranżizzjoni ġusta u ekoloġika u l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, irridu nerġgħu nikkunsidraw l-ekonomija tagħna tal-UE. Irridu nerġgħu nibdew is-sistema, iżda neħtieġu softwer ġdid, mhux biss aġġornament!” qal ir-relatur Peter Schmidt .

In-nazzjonijiet tad-dinja impenjaw ruħhom għal Aġenda għall-2030 li hija radikali, ġusta u li tista’ tinkiseb. L-UE adottat ukoll il-Pakkett Ekoloġiku u hija impenjata li tagħmel progress lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Dan joffri opportunità unika sabiex l-UE taġġorna l-viżjoni tagħha dwar il-progress soċjali, tqajjem mill-ġdid l-ekonomija tagħha u ssaħħaħ it-tmexxija tagħha fid-dinja billi tagħti eżempju tajjeb.