Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) għadda l-kelma lill-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “End the Cage Age” fil-plenarja tiegħu, li saret fi Brussell. B’hekk provdielha pjattaforma fil-livell Ewropew biex tesprimi l-għanijiet u t-tħassib tagħha dwar il-benesseri tal-annimali tal-irziezet.

Il-Viċi President tal-KESE Isabel Caño laqgħet lil Olga Kikou, il-koordinatur tal-Inizjattiva, filwaqt li ferħitilha għall-Inizjattiva IĊE ta’ suċċess, li ġabret aktar minn 1.5 miljun firma minn 21 Stat Membru Ewropew u issa għaddejja mill-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tal-Istati Membri.

Compassion in world farming, l-organizzazzjoni wara l-kampanja tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, ġiet stabbilita fl-1865 minn Peter Roberts, produttur tal-ħalib Brittaniku li kien imħasseb dwar il-metodi ta’ biedja moderni. L-annimali jistgħu jsofru u jweġġgħu, u jieħdu gost bil-kumpanija ta’ annimali oħra u għandhom sentimenti ta’ ferħ u sentimenti negattivi wkoll; dan kollu juri li huma esseri sensibbli, qalet is-Sinjura Kikou, hi u tenfesizza li t-Trattat ta’ Lisbona jirrikonnoxxi l-annimali bħala tali.

"Irridu niżguraw li l-istituzzjonijiet Ewropej jaġixxu fir-rigward tal-aspettattivi taċ-ċittadini”, qalet is-Sinjura Kikou. “Qed naħdmu flimkien mal-bdiewa biex ngħallmuhom biedja sostenibbli. M’aħniex kontrihom, ma rridux nipprojbixxu l-laħam, però m’għandniex naraw gaġeġ fis-seklu 21."

Christophe Lefevre, President tal-Grupp tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fil-KESE, ħa l-opportunità biex jafferma mill-ġdid l-impenn kontinwu tal-KESE biex itejjeb l-istrumenti tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej – li ħareġ fid-dieher b’mod prattiku ħafna fil-Jum annwali tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej L-għan kien li din issir aktar faċli għall-utenti u jiġi żgurat li jkollha impatt ġenwin.

Il-membri tal-KESE kkummentaw li, fl-interessi kemm tal-konsumaturi kif ukoll tal-bdiewa u tal-biedja sostenibbli, jeħtieġ li jiġu eżaminati bir-reqqa l-aspetti kollha – bħall-importazzjonijiet tal-laħam u l-impatt finanzjarju fuq is-suq uniku –qabel ma tittieħed kwalunkwe azzjoni ulterjuri.(ks)