Il-KESE jżur il-Ġappun biex jiġu diskussi l-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli

Il-membri tal-Kumitat ta’ Segwitu UE-Ġappun tal-KESE żaru l-Ġappun bejn is-27 u l-31 ta’ Jannar biex tiġi diskussa l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE), fis-seħħ minn Frar 2019, u biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-kontropartijiet Ġappuniżi. Iż-żjara kienet tinkludi wkoll l-ewwel Djalogu Konġunt mas-Soċjetà Ċivili, bi skambju ta’ fehmiet dwar kwistjonijiet ta’ kummerċ u żvilupp sostenibbli. 

L-iskop ewlieni tal-missjoni kien li tibni fuq il-kooperazzjoni pożittiva mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet Ġappuniżi minn mindu ġie stabbilit il-FSE. Il-membri tal-KESE spjegaw il-ħtieġa għal riformi legali fil-Ġappun sabiex jiġu applikati l-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO. Huma ppruvaw ukoll jissensibilizzaw dwar it-tibdil fil-klima fost il-kontropartijiet lokali tagħhom, peress li dan is-suġġett ma tantx huwa diskuss fil-Ġappun. (dgf)