Dibattitu tal-KESE mal-Presidenza Rumena: wasal iż-żmien biex nerġgħu nqarrbu lin-nies lejn l-Ewropa

Is-sessjoni plenarja ta’ Jannar tal-KESE ospitat dibattitu mal-Prim Ministru tar-Rumanija, Vasilica‑Viorica Dăncilă, dwar il-prijoritajiet tal-presidenza Rumena tal-UE għall-ewwel semestru tal-2019. Il-President tal-KESE Luca Jahier enfasizza kemm huwa importanti, lejliet l-elezzjonijiet tal-UE, li terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-poplu Ewropew fil-politika.

Il-proċess ta’ integrazzjoni tal-UE jeħtieġ li jkun mifhum, possedut u appoġġjat aħjar minn dawk li huma l-aktar importanti, il-poplu tal-Ewropa. “Il-Futur tal-Ewropa ser jiġi diskss waqt is-Summit ta’ Sibiu f’data simbolika: id-9 ta’ Mejju 2019, Jum l-Ewropa. Dan huwa l-aħħar mument, qabel l-elezzjonijiet, biex tintwera Ewropa magħquda u b’saħħitha, li tkun qrib iċ-ċittadini kollha tagħha u li hija determinata li tieħu azzjoni kuraġġuża”, qal is-Sur Jahier. “Għandna bżonn mhux biss politiki tal-UE aktar effettivi, iżda wkoll narrattiva ġdida u pożittiva biex iċ-ċittadini jerġgħu jingħaqdu mal-proġett Ewropew u terġa’ tinkiseb il-fiduċja tagħhom fil-politika, billi tissaħħaħ il-koeżjoni u jiġu miġġielda t-tendenzi populisti," żied jgħid.

Is-Sinjura Dăncilă esprimiet id-determinazzjoni tagħha li tagħmel progress sinifikanti dwar l-aktar kwistjonijiet urġenti li l-Unjoni qed tiffaċċja bil-għan li ssaħħaħ l-unità, il-koeżjoni, is-solidarjetà u l-ekwità. Hija affermat mill-ġdid ukoll l-impenn qawwi tal-presidenza tal-UE tal-pajjiż tagħha lejn il-valuri Ewropej u li tisma’ leħen il-poplu Ewropew dwar id-direzzjoni li l-Unjoni għandha ssegwi. “Din hija prijorità għall-Presidenza Rumena. Se nippreżentaw soluzzjonijiet u nieħdu deċiżjonijiet li jkunu kemm jista’ jkun qrib taċ-ċittadini u r-realtajiet tas-soċjetajiet tagħna. Huwa biss billi ċ-ċittadini jiġu involuti b’mod kostanti li nkunu nistgħu nżommu l-Ewropa b’saħħitha u koeżiva," qalet. Il-Koeżjoni, valur Ewropew komuni hija fil-fatt il-motto tal-presidenza. (mp)