Ewropa Kreattiva 2021-2027: Il-KESE jappella għal żieda fil-baġit u promozzjoni speċjali taħt Orizzont 2020

Is-settur kreattiv fl-Ewropa għandu potenzjal kbir, iżda jeħtieġ aktar appoġġ biex jiżviluppa b’mod sħiħ u jsir attur kompetittiv serju fis-suq dinji.  Fergħat oħrajn, inklużi l-industriji tat-tessuti, tat-turiżmu, tal-karozzi, tal-kostruzzjoni u tas-saħħa, jibbenefikaw ukoll minn settur kulturali u kreattiv ambizzjuż. 

“Minħabba l-interessi importanti li jirrappreżenta s-settur – iż-żamma tal-wirt kulturali tagħna, il-promozzjoni tal-valuri tagħna, ir-rivitalizzazzjoni, l-innovazzjoni, id-divertiment, l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli - il-baġit propost ta’ EUR 1,85 biljun huwa baxx wisq”, targumenta s-Sinjura Butaud-Stubbs, ir-relatur tal-Opinjoni tal-KESE fuq il-proposta tal-Kummissjoni għall-programm Ewropa Kreattiva 2021-2027.

“Ir-rivoluzzjoni diġitali toffri opportunitajiet ġodda sakemm aħna ninvestu ħin fl-edukazzjoni, is-softwer u t-tagħmir”, iżid il-korelatur Zbigniew Kotowski. Il-KESE qed jappella għal baġit speċifiku taħt Orizzont 2020 sabiex jisfrutta l-potenzjal tal-innovazzjoni enormi tal-fergħat tal-industrija kreattiva.

Proposti oħrajn tal-KESE jinkludu:

  • strateġija tal-UE ċara għall-industriji kulturali u kreattivi (CCIs) kemm għas-suq uniku kif ukoll għall-politika esterna biex tiżdied il-kompetittività;/li>
  • studju kwantitattiv u kwalitattiv indipendenti dwar l-effetti ta’ fużjonijiet kbar fis-settur awdjoviżiv tal-Istati Uniti fuq is-suq Ewropew;    
  • żieda ta’ EUR 80 miljun għall-qasam transsettorjali sabiex jiġu megħjuna d-desks tal-Ewropa Kreattiva ħalli jippromovu l-programm f’pajjiżhom u jaħdmu għal panorama medjatiku pluralistiku u diversifikat, ġurnaliżmu ta’ kwalità u litteriżmu medjatiku. (sma)