“Is-soċjetà ċivili għar-rEUnaissance” X’Ewropa rridu wara l-elezzjonijiet tal-PE?

Fuq stedina ta’ Luca Jahier, il-President tal-KESE, fil-21 ta’ Frar ser jiġi organizzat l-avveniment bit-titolu Is-soċjetà ċivili għar-rEUnaissance. Id-dibattiti ser jippermettu lis-soċjetà ċivili organizzata ssemma’ leħinha u ser jagħtu lok lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jesprimu l-aspettattivi u x-xewqat tagħhom u jaqsmu l-viżjoni tagħhom tal-Ewropa għall-perjodu ta’ wara l-elezzjonijiet Ewropej.

Bil-parteċipazzjoni tal-membri tal-KESE, din il-laqgħa ser tkun l-okkażjoni ta’ riflessjoni flimkien dwar il-ġejjieni tal-Ewropa.  Għal dan l-avveniment hija kkonfermata l-parteċipazzjoni ta’ żewġ żgħażagħ attivisti: Greta Thunberg, Svediża, magħrufa għall-attiviżmu ekoloġiku tagħha bl-islogan: Strajk tal-iskejjel favur il-klima, u Madeleina Kay, mir-Renju Unit, imsejħaEU Supergirl, li topponi b’mod determinat il-Brexit.  

Id-dibattiti ser isiru f’żewġ partijiet: filgħodu (9 a.m. san-12.30 p.m.), il-Presidenti tal-istituzzjonijiet tal-UE, Jean-Claude Juncker (Kummissjoni Ewropea), Antonio Tajani (Parlament Ewropew), Karl-Heinz Lambertz (Kumitat tar-Reġjuni), ser ikollhom skambju ta’ fehmiet flimkien mal-mistednin tal-avveniment. Ser jiddibattu mal-mexxejja tal-oganizzazzjonijiet u l-movimenti Ewropej bħal: Business Europe , il-Konfederazzjoni Ewropea l tat-Trade Unions   (KES/KETU), Europa Nostra u CIVICO. Il-Presidenti tal-Kumitati Ekonomiċi u Soċjali tal-Greċja, l-Italja, il-Bulgarija u Malta ser jagħtu l-kontribut tagħhom ukoll dwar il-ġejjieni tal-Ewropa. 

Is-sessjoni ta’ waranofsinhar ser tinkludi 7 workshops dwar, fost l-oħrajn, il-kundizzjonijiet tajbin għall-intrapriżi, l-iżvilupp sostenibbli, l-edukazzjoni, id-drittijiet fundamentali, il-valuri Ewropej, il-ġejjieni tas-suq tax-xogħol, il-kultura u l-paċi. Il-konklużjonijiet ta’ dawn il-workshops ser iservu ta’ bażi għall-opinjonijiet tal-KESE dwar l-Ewropa tal-ġejjieni, eżatt qabel l-elezzjonijiet Ewropej.

Inħolqot paġna web dwar l-avveniment, bil-hashtag #EUcivilsociety għall-finijiet ta’ komunikazzjoni fin-netwerks soċjali.

Fil-21 ta’ Frar 2019, 9 a.m. - 12.30 p.m., fil-bini Charlemagne, 170 rue de la Loi

2.30 p.m.- 6 p.m. fil-KESE, 99, rue Belliard, bini Jacques Delors (ehp)