Avvenimenti kulturali fil-KESE attwalment:

Il-KESE jorganizza avvenimenti kulturali biex jiġbed udjenzi akbar lejn id-dibattiti li jinsabu fil-qalba tal-ħidma tiegħu, biex jenfasizza d-dimensjoni Ewropea tax-xogħlijiet ta’ artist partikolari jew biex jitfa’ dawl fuq artisti inqas magħrufa Ewropej li ta’ min jiskoprihom lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Il-programm tal-2019 għandu xi ħaġa għal kulħadd.

Taħt it-tmexxija tal-membri Martina Širhalová (Min Iħaddem), Dirk Bergrath (Ħaddiema) u Indrė Vareikytė (Diversità Ewropa) (mix-xellug għal-lemin fir-ritratt), li bħalissa jiffurmaw is-sottokumitat Kultura, il-KESE jorganizza wirjiet artistiċi, kunċerti, wirjiet ta’ films, rappreżentazzjonijiet lajv u ħafna avvenimenti oħrajn.

Fost l-avvenimenti kulturali ppjanati għall-ewwel sitt xhur tal-2019, insibu l-wirja What's “old” anyway?  Staying creative after retirement; rappreżentazzjoni lajv mill-mezzosopran Valentina Volpe, waħda mill-iżjed konkorrenti popolari fl-#Ode2Joy Challenge (21 ta’ Frar) ta’ Europa Nostra; il-wirja tal-film The man who mends women, iddedikat lil Dr. Denis Mukwege, rebbieħ tal-premju Nobel għall-paċi (6 ta’ Marzu), flimkien ma’ dibattitu miftuħ, u Kindred Spirits, wirja ta’ ritratti mill-artista Olandiża li taħdem bi prodotti riċiklati, Suzanne Jongmans, li se tintwera flimkien mal-Konferenza tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari (6-7 ta’ Marzu).

Permezz ta’ dawn l-avvenimenti, ta’ spiss żviluppati bi sħab ma’ organizzazzjonijiet kulturali u korpi oħra, il-KESE jixtieq jitfa’ dawl fuq il-prijoritajiet politiċi tiegħu u jissensibilizza l-pubbliku dwar kwistjonijiet li jagħmlu impatt fuq is-soċjetà Ewropea.(ck/dm)