Il-Brexit mingħajr l-ebda ftehim jhedded il-vijabbiltà tal-industriji tal-ajrunawtika u tal-kimika kemm fir-Renju Unit kif ukoll fl-UE

F’diskussjoni ta’ livell għoli dwar l-impatt tal-Brexit fuq l-industriji tal-ajrunawtika u tal-kimika, organizzata mill-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) fil-KESE, il-kelliema qablu li r-Renju Unit għandu jibqa’ allinjat mal-liġijiet tal-UE u li, għas-sustanzi kimiċi, ir-regolament REACH kien kruċjali. Fir-rigward tal-industrija tal-ajrunawtika, għandhom jiġu stabbiliti ftehimiet dwar ir-reċiproċità fl-aktar oqsma importanti u l-perjodu ta’ tranżizzjoni ppjanat għandu jiġi estiż għal tal-inqas ħames snin.

“Huwa kruċjali li jinstabu soluzzjonijiet ta’ reċiproċità għas-setturi ewlenin” wissa Jan Pie, Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Industriji Ajruspazjali u tad-Difiża tal-Ewropa (ASD), li talab perjodu ta’ tranżizzjoni itwal. Fil-biċċa l-kbira, l-impatt tal-ebda ftehim se jkun fuq il-katina tal-provvista peress li l-kunsinna eżatt fil-ħin teħtieġ katina tal-provvista bla xkiel. Il-komponenti spiss ikollhom jaqsmu l-Kanal Ingliż kemm-il darba qabel ma finalment jiġi mmuntat il-prodott. L-imblukkar li jinvolvi biss oġġett wieħed jista’ jwaqqaf il-katina tal-provvista kollha. L-istess jgħodd ukoll għall-moviment tal-ħaddiema: l-ispeċjalisti li jeħtieġ li jiċċaqalqu malajr bejn il-Gran Brittanja u l-UE. It-tħassib ewlieni għall-intrapriżi huwa d-diverġenza bejn ir-regolamentazzjoni tal-UE u tar-Renju Unit.

Ftehim dwar il-Brexit huwa ukoll indispensabbli għall-industrija tal-kimika, enfasizza Ian Cranshaw, il-kap tal-kummerċ internazzjonali fl-Assoċjazzjoni tal-Industriji tal-Kimika (CIA). Bi dħul ta’ GBP 18-il biljun, flimkien ma’ 150 000 impjieg dirett u 500 000 impjieg indirett, l-industrija tal-kimika hija ta’ importanza kruċjali għar-Renju Unit. Dak li l-industrija għandha bżonn l-aktar huwa ċ-ċertezza. L-organizzazzjoni tas-Sur Cranshaw għamlet stħarriġ tal-kumpaniji li tirrappreżenta u l-ebda kumpanija ma qalet li l-Brexit se jkun ta’ benefiċċju għalihom.

“It-tagħlima li nistgħu nieħdu min din is-sitwazzjoni hija li nikkomunikaw aħjar il-kisbiet tas-Suq Uniku u l-bosta vantaġġi – kemm għall-industrija kif ukoll għaċ-ċittadini – li ġġib magħha l-isħubija fl-UE,” ikkonkludiet tgħid Lucie Studničná, President tas-CCMI.

Il-mistoqsija dwar min se jibbenefika mill-Brexit fl-aħħar mill-aħħar għadha mingħajr tweġiba. (sma)