Michel Barnier fil-KESE: “L-agħar ħaġa għall-Ewropa hija s-silenzju”

Il-Kap Negozjatur tal-UE għall-Brexit, Michel Barnier, attenda l-540 sessjoni plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex jispjega l-fehmiet tal-UE dwar il-ftehim tal-Brexit u x-xenarji futuri possibbli.

Il-President tal-KESE, Luca Jahier, feraħ lis-Sur Barnier għall-ħidma li wettaq u enfasizza li l-KESE kien impenjat b’mod qawwi lejn is-soċjetà ċivili tar-Renju Unit: “Il-KESE huwa mħejji sew għal kwalunkwe xenarju futur u se jikkonsolida r-relazzjoni tiegħu mal-kontropartijiet Brittaniċi tagħna.”

Is-Sur Barnier wissa li l-Ewropa kellha titħejja għal xenarju ta’ “no-deal”. “Ikun xi jkun l-eżitu, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata se jkollhom rwol deċiżiv biex iqajmu kuxjenza fost iċ-ċittadini”, żied jgħid.

Il-“garanzija ta’ kontinġenza”

Il-membri tal-KESE talbu għal pożizzjoni soda dwar il-“garanzija ta’ kontinġenza”, li xi wħud irreferew għaliha bħala t-tieni l-aħjar soluzzjoni għall-Irlanda ta’ Fuq, filwaqt li l-ewwel waħda kienet li tibqa’ fl-UE.

Is-Sur Barnier saħaq li kienet responsabbiltà tiegħu li jsolvi l-problemi għall-UE. “Ma nixtiqux nużaw il-garanzija ta’ kontinġenza. Din hija komparabbli mal-assigurazzjoni ta’ darek – inti tħallasha iżda tittama li ma jkollokx tużaha.” Kien ir-Renju Unit li ried joħroġ mill-Unjoni u kien il-Brexit li kien qed jikkawża problemi għall-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq. Il-garanzija ta’ kontinġenza kienet dwar persuni li kellhom bżonn is-sigurtà. U fl-aħħar nett, il-fruntiera fl-Irlanda kienet ukoll il-fruntiera ta’ 27 pajjiż u l-fruntiera tas-Suq Uniku. Għalhekk din kienet kwistjoni Ewropea.

“Il-Brexit m’għandu l-ebda valur miżjud”, temm jgħid is-Sur Barnier. “Madankollu m’għandniex inħawdu l-konsegwenzi mal-lezzjonijiet tal-Brexit. Għandna nagħmlu distinzjoni wkoll bejn il-populiżmu u l-emozzjonijiet popolari. L-agħar ħaġa hija s-silenzju. Irridu nsemmgħu leħinna; jeħtieġ niftħu d-dibattitu. Jista’ jkollna opinjonijiet differenti, iżda għandna nkomplu nitkellmu, għaliex il-populisti jużaw is-silenzju kontra l-Ewropa.” (sma)