Wasal iż-żmien li ma nibqgħux nitnikktu f’silenzju fil-Jum Internazzjonali ta’ Tifkira tal-Olokawst

minn Luca Jahier

Hekk kif qed inħejju biex nikkommemoraw il-Jum Internazzjonali ta’ Tifkira tal-Olokawst, ftit li xejn nistgħu nibqgħu kalmi fil-luttu tagħna. Pjuttost milli nosservaw is-silenzju peress li l-aktar luttu profond huwa solitarju, inħossu l-bżonn li ngħajjtu.

Għalfejn l-anti-Semitiżmu mhuwiex mejjet, la fl-Ewropa u lanqas fl-Istati Uniti? Għaliex fi Franza s-sena l-oħra kien hemm superstita tal-Olokawst li ġiet ferita b’arma ppuntata u mietet maħruqa fl-appartament tagħha? Għaliex is-sena ta’ qabel l-għalliema tal-kindergarten irtirata, Sarah Halimi, ġiet assassinata u wara ġiet mixħuta mill-gallarija tagħha f’Pariġi?

Pariġi. Toulouse. Malmo. Kopenħagen. Berlin, Brussell. L-umanità tagħna hija mtabba’ b’demm innoċenti. Xi ħaġa li ħsibna inimmaġinabbli qed titturmentana għal darb’oħra.

Il-Lhud tal-Ġermanja ngħataw parir li ma jibqgħux jilbsu l-kippah minħabba biża’ ta’ attakki. It-tfal tal-iskola Lhud Franċiżi ġew avżati biex ma jattendux skola lokali deskritta bħala anti-Semitika. Ma’ dan irridu nżidu l-profanazzjoni taċ-ċimiterji, l-iswastikas miżbugħin fuq is-sinagogi u l-iskejjel, il-Lhud jissejħu “xadini u ħnieżer” f’manifestazzjonijiet anti-Iżraeljani. L-Ewropa qed turi l-wiċċ ikrah u inuman tagħha għal darb’oħra.

Sekli ilu, il-Lhud ġew ippersegwitati bħala minoranza reliġjuża. Fl-aħħar seklu, il-Lhud kienu meqjusa bħala theddida għall-Istat, u għalhekk ix-xewqa li jinqerdu fl-Olokawst. Illum, il-Lhud huma fil-mira l-aktar minħabba avvenimenti fil-Lvant Nofsani, għalkemm xi sentimenti anti-Semitiċi jikkonċernaw ukoll iċ-ċaħda tal-Olokawst.

Ħafna Lhud qed jibdew iġarrbu l-piż ta’ popolazzjoni rrabjata u qed iħossuhom frustrati, imċaħħda mid-drittijiet tagħhom u mingħajr setgħa. Il-popolazzjoni Lhudija fl-Ewropa qed tonqos. Skont id-data tal-UE, din naqset minn madwar 1.12 miljun fl-2009 għal 1.08 miljun fl-2017. Il-popolazzjoni Lhudija ta’ Franza, l-akbar waħda fl-UE, naqset minn madwar 500 000 fl-2002 għal 456 000 fl-2017. Il-Lhud qed jitilqu minħabba reati ta’ mibegħda.

Madwar terz tal-Lhud Ewropej jevitaw li jattendu avvenimenti jew iżuru siti Lhudin minħabba li ma jħossuhomx sikuri. Disgħa minn kull 10 Lhud Ewropej jemmnu li l-anti-Semitiżmu żdied matul dawn l-aħħar ħames snin, skont stħarriġ li sar f’Diċembru li għadda mill-Kummissjoni Ewropea.

Skont 89 fil-mija tas-16 300 ta’ dawk li wieġbu għal dan l-istħarriġ, li sar fl-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, in-Netherlands, il-Polonja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit - it-12-il pajjiż li jospitaw 96 fil-mija tal-Lhud Ewropej - l-anti-Semitiżmu huwa l-agħar u l-aktar problematiku fuq l-internet u n-netwerks soċjali.

Ma nistgħux inħallu din il-kruha tiġi lura. Jeħtieġ li niġġieldu r-reati ta’ mibegħda u l-imġiba ostili u vjolenti fir-rigward tal-Lhud u l-minoranzi. Kwalunkwe nuqqas min-naħa tal-Istati Membri tal-UE tagħna jew tal-komunità internazzjonali li jaġixxu, u li jaġixxu fil-pront, se jirriskja ritorn lejn l-atroċitajiet tal-imgħoddi u l-kontaminazzjoni tas-soċjetajiet tagħna.

Kif ġie rrappurtat b’mod wiesa’, tlett ijiem biss qabel il-qtil ta’ Pawel Adamowicz fi Gdańsk, ixxandret satira anti-Semitika fuq it-televiżjoni matul il-ħin bl-aktar telespettaturi. Fis-satira, l-organizzazzjoni tal-karità li stiednet lis-Sur Adamowicz għall-avveniment fejn inqatel ġie murija bħala mmexxija minn forzi opaki.

Is-Sur Adamowicz kien difensur qawwi tad-drittijiet tal-minoranzi fi żmien ta’ livelli dejjem jiżdiedu ta’ reati ta’ mibegħda. Kien ukoll kritiku liberali akkanit tal-politiki kontra l-immigranti tal-partit konservattiv fil-gvern. Il-qtil tiegħu jservi bħala tfakkira li rridu nwaqqfu d-diskors ta’ mibegħda jekk irridu nevitaw li nisfaw vittmi ta’ mibegħda.

Li niftakru fil-vittmi tal-Olokawst u l-atroċitajiet Nażisti sar aktar importanti llum il-ġurnata. L-Olokawst huwa legat li jiddefinixxi l-istorja Ewropea u t-tifkira tax-Shoah huwa mezz importanti ta’ prevenzjoni tal-anti-Semitiżmu.

Kif enfasizzat minn xi studjużi tal-istorja, wasal iż-żmien għal kultura Ewropea kritika ta’ tifkira aktar milli kultura nazzjonali individwali ta’ tifkira. Jekk ma niftakrux flimkien bħala Ewropej, nirriskjaw li ngħixu mill-ġdid l-iżbalji tal-passat.

Aktar kemm nistennew biex neqirdu d-diskors ta’ mibegħda u aktar ma ndumu biex naċċettaw l-imgħoddi tagħna, aktar se jkun diffiċli li tinbena memorja Ewropea kollettiva ġdida u ġenwina, u tinħoloq identità ġdida, ibbażata fuq id-diversità, sens ta’ storja komuni, appartenenza komuni u fl-aħħar nett destin komuni.

Kif kiteb Primo Levi, awtur ta’If this a man u l-essay postuma The black hole of Auschwitz fl-aħħar ktieb tiegħu: “Seħħ, jista’ jerġa’ jseħħ.”