Il-bini tar-reżiljenza għandu jkun prijorità ewlenija għaż-żona tal-euro fl-2019

Javier Doz Orrit

Fl-2019 se jkun importanti ferm li l-ekonomiji taż-żona tal-euro jibnu reżiljenza ekonomika u tas-suq tax-xogħol, filwaqt li jqisu l-perspettiva ekonomika attwali, jgħid il-KESE fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet tal-politika ekonomika tal-Kummissjoni għall-2019 għaż-żona tal-euro.

Il-bini tar-reżiljenza huwa meħtieġ biex ikun żgurat li l-Istati Membri jkunu kapaċi jifilħu għal xokkijiet futuri bi spejjeż ekonomiċi u soċjali limitati. Għal dan il-għan il-UEM għandha tiġi approfondita billi titlesta l-Unjoni Bankarja, jiżdiedu r-riżorsi proprji tal-UE u tiġi stabbilita l-funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni makroekonomika għaż-żona tal-euro, kif ukoll l-implimentazzjoni xierqa tal-Pilastru Soċjali.

L-Opinjoni tal-KESE issejjaħ ukoll għal miżuri effettivi sabiex jitnaqqas is-surplus eċċessiv, filwaqt li jiżdiedu b’mod sinifikanti l-investiment pubbliku u l-pagi fil-pajjiżi b’suplus. Fuq perjodu medju, it-tkabbir reali tal-pagi għandu jkun proporzjonat mat-tkabbir reali tal-produttività u l-inflazzjoni.

Mhux rakkomandabbli li dawk l-Istati Membri b’dejn pubbliku għoli u marġnijiet tal-potenzjal tal-produzzjoni negattivi jew żero, jiġu mħeġġa jibnu buffers fiskali permezz ta’ pożizzjonijiet fiskali ta’ kontrazzjoni. X’aktarx li dan jipperpetwa tkabbir baxx f’dawk il-pajjiżi, mingħajr ma jgħin biex jitnaqqas id-dejn pubbliku tagħhom bħala proporzjon tal-PDG.

Il-KESE jiġbed ukoll l-attenzjoni għall-ħtieġa urġenti li l-linji gwida u l-miżuri għandhom iħeġġu l-investiment pubbliku u jiffaċilitaw l-investiment privat. Meta jiġu applikati r-regoli fiskali tal-UE għandha titqies l-hekk imsejħa Regola tad-Deheb.

Il-bidliet tal-politika m’għandhomx jitwettqu askapitu ta’ dħul għall-finanzjament tal-investiment soċjali u tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali, jew inkella b’riskju li jitbaxxew id-drittijiet soċjali u dawk tax-xogħol. Il-konverġenza ’l fuq fl-istandards ekonomiċi u soċjali għandha tiġi segwita b’mod parallel.

Fl-aħħar nett, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex juru l-impenn meħtieġ sabiex jegħlbu malajr id-diżgwidi li baqa’ fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet. (jk)