Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ ċentru Ewropew għaċ-ċibersigurtà

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li toħloq ċentru Ewropew ta’ kompetenza industrijali, teknoloġika u tar-riċerka fil-qasam taċ-ċibersigurtà u netwerk ta’ ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni. L-għan huwa li l-Unjoni tiġi megħjuna tiżviluppa kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali fir-rigward taċ-ċibersigurtà u tiżdied il-kompetittività tal-industrija taċ-ċibersigurtà tal-Unjoni.

F’Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Jannar u mfassla minn Antonio Longo u Alberto Mazzola, il-KESE jenfasizza li l-proposta tal-Kummissjoni hija pass importanti lejn l-iżvilupp ta’ strateġija industrijali għaċ-ċibersigurtà u mossa strateġika biex tinkiseb awtonomija diġitali robusta u komprensiva. Dawn l-aspetti huma essenzjali għat-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' difiża tal-Ewropa fil-konfront tal-gwerra ċibernetika fis-seħħ li thedded li timmina s-sistemi politiċi, ekonomiċi u soċjali.

“Is-soċjetà tagħna hija affettwata kollha kemm hi. F’għaxar snin biss, rajna żieda esponenzjali ta’ attakki ċibernetiċi madwar id-dinja minn 800 000 għal 8 miljuni,” enfasizza s-Sur Longo. “Aħna nappoġġjaw l-inizjattiva tal-Kummissjoni li għandha l-għan li twaqqaf ċentru ta’ kompetenza li jikkoordina ċ-ċentri nazzjonali u li jaġixxi bħala punt ta’ referenza għall-komunità taċ-ċibersigurtà,” żied jgħid.

Sħubija pubblika-privata dwar iċ-ċibersigurtà hija pedament tal-istrateġija. “Aħna favur l-estensjoni tas-sħubija għall-inklużjoni tal-industrija abbażi ta' impenji sodi mil-lat xjentifiku u ta' investiment. Aħna nappoġġjaw approċċ tripartitiku li jinvolvi lill-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-kumpaniji,” kompla s-Sur Mazzola. “Irridu wkoll inħallu l-bieb miftuħ għal negozji li mhumiex tal-UE u li huma lesti jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-UE biex jieħdu sehem,” ikkonkluda. (mp)