Il-KESE jħeġġeġ ir-riforma tad-WTO b’konformità mal-valuri tal-UE

Fis-sessjoni plenarja tiegħu fl-24 ta’ Jannar, til-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta opinjoni li titlob riforma ambizzjuża tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ sabiex tingħeleb il-kriżi attwali filwaqt li jiġu enfasizzati l-valuri tal-UE u r-rwol ewlieni tal-UE fis-sostenibbiltà.

L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) hija l-organizzazzjoni globali li tittratta r-regoli tal-kummerċ bejn in-nazzjonijiet, iżda l-iżviluppi reċenti fil-kummerċ internazzjonali għamlu x-xogħol tagħha diffiċli.  Kif Emmanuelle Butaud-Stubbs, ir-relatur tal-opinjoni tal-KESE irrimarkat, ir-riformi proposti jridu jkunu "f’konformità mal-valuri tal-UE u mar-rwol li tista’ taqdi fix-xena tal-kummerċ dinji, u torbot l-investiment mal-iżvilupp”".

L-opinjoni tinkludi proposti biex jinżamm il-Korp tal-Appell tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO billi jiġi estiż il-mandat tal-imħallfin attwali bħala rimedju temporanju għas-sitwazzjoni preżenti,u jinżdied l-għadd ta’ mħallfin minn sebgħa għal disgħa u jsir provvediment għar-reklutaġġ ta’ mħallfin indipendenti full-time.

Karl Brauner, id-Deputat Direttur Ġenerali tad-WTO, ħa sehem fid-dibattitu fis-sessjoni plenarja tal-KESE u kkonfermaw l-importanza li l-Korp tal-Appell jinżamm operattiv:"Jekk dan jintemm, ir-regoli tal-kummerċ dinji ma jibqgħux infurzabbli. L-istat tad-dritt ikun sostitwit mill-ftehim tal-ġurnata u l-poter jipprevali fuq il-legalità’".

Il-KESE jissuġġerixxi wkoll azzjoni addizzjonali dwar il-protezzjoni tad-data, l-istandards tas-sikurezza tal-ikel u l-benessri tal-annimali u l-istandards ambjentali fil-produzzjoni agrikola. Barra minn hekk, l-opinjoni tirrakkomanda parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili fil-ħidma tad-WTO, pereżempju permezz tal-użu tal-Forum Pubbliku tad-WTO, fil-forma ta’ assemblea bbilanċjata u rappreżentattiva ta’ partijiet interessati ekonomiċi u soċjali mis-setturi u l-interessi kollha differenti.(dgf)