Il-KESE jħeġġeġ l-adozzjoni minnufih tal-Proposta tal-Kummissjoni dwar is-salvagwardja tal-kompetizzjoni fit-trasport bl-ajru

Il-KESE jappoġġja l-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reviżjoni tant mistennija tar-Regolament dwar is-salvagwardja tal-kompetizzjoni fit-trasport bl-ajru. F’Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Jannar tal-KESE, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex minnufih japprovaw ir-Regolament rivedut sabiex id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni internazzjonali jiġu indirizzati b’mod effettiv.

Il-KESE jappoġġja l-approċċ doppju tal-Kummissjoni għas-salvagwardja ta’ kompetizzjoni internazzjonali ġusta, u adotta l-pożizzjoni tiegħu fis-17 ta’ Jannar 2018 permezz ta’ opinjoni abbozz Jacek Krawczyk . Minn naħa, il-Proposta tippermetti l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni eżistenti u tipprovdi lill-Kummissjoni b’għodda effiċjenti biex tiġġieled u tilqa’ kontra d-distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta fl-avjazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-ftehimiet tal-avjazzjoni tal-UE iservu ta’ inċentiv għal pajjiżi terzi biex jikkonformaw mal-leġislazzjoni tal-UE b’kumpens għall-aċċess għas-suq tal-UE.

“Din il-Proposta hija pass ieħor importanti fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Avjazzjoni tal-UE, imħabbra aktar minn sentejn ilu. Is-suċċess futur tal-avjazzjoni tal-UE jiddependi fuq kemm l-istrateġija tiġi implimentata b’mod effettiv” qal is-Sur Krawczyk . Żied jgħid li "meta titqies l-importanza tal-avjazzjoni għall-ekonomija tal-UE, il-partijiet interessati għandhom ilkoll ikunu saħansitra aktar involuti fl-implimentazzjoni tal-istrateġija”

Ir-reviżjoni tar-Regolament dwar is-salvagwardja tal-kompetizzjoni fit-trasport bl-ajru (Regolament 868/2004) hija parti minn pakkett usa’ intitolat "L-Avjazzjoni: Ewropa Miftuħa u Konnessa", li jinkludi wkoll linji gwida fl-oqsma li ġejjin: is-Sjieda u l-Kontroll ta’ trasportaturi tal-ajru tal-UE, l-Obbligu ta' Servizz Pubbliku (OSP) u l-kontinwità fil-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM).(mp)