L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem jirrappurtaw aktar diffikultajiet f’xogħolhom

Nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Jannar, il-KESE, flimkien mal-Grupp ta’ Kuntatt tiegħu, ospita t-tnedija ta’ rapport imħejji mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, li jwissi dwar lok dejjem jiċkien għall-azzjoni mis-soċjetà ċivili biex tiġġieled għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fl-UE.

Ir-rapport "Challenges facing civil society organisations working on human rights in the EU", (L-isfidi li qed jiffaċċjaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li qed jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fl-UE) jenfasizza xi diffikultajiet estremi li dejjem iktar ta’ spiss qed jiltaqgħu magħhom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-qadi ta’ dmirijiethom. Ir-rapport jaqsam id-diffikultajiet bejn wieħed u ieħor f’diversi oqsma:

  • Restrizzjonijiet legali li jistgħu jvarjaw minn diffikultajiet fit-twaqqif ta’ organizzazzjoni għal dawk relatati mal-libertà ta’ assoċjazzjoni, l-għaqda paċifika, l-espressjoni u l-informazzjoni.
  • Ostakli li jimblukkaw l-aċċess għar-riżorsi, speċjalment il-finanzjament strutturali u fit-tul.
  • L-istigmatizzazzjoni u t-tentattivi biex dawn jiġu skreditai, kif ukoll attakki fiżiċi u verbali kontra l-attivisti, minflok ambjent protett li fih iwettqu l-attivitajiet tagħhom.
  • Diffikultajiet biex b’mod pożittiv jinfluwenzaw il-leġislazzjoni u t-tfassil tal-politika bħala atturi leġittimi rikonoxxuti.

Ir-rapport jikkonkludi li, sabiex ikun hemm appoġġ qawwi għall-protezzjoni, il-promozzjoni u l-eżerċitar sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, hemm ħtieġa urġenti biex jiġu implimentati s-suġġerimenti kollha mogħtija mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali u korpi oħra tal-UE, bħall-KESE, u sabiex tissaħħaħ l-effikaċja tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fi ħdan l-UE. (Is-Sur)