Il-President tal-KESE Georges Dassis jiltaqa’ ma’ Patrick Bernasconi, President tal-KESA

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE),Georges Dassis u l-President tal-Kunsill Ekonomiku, Soċjali u Ambjentali Franċiż (KESA),Patrick Bernasconi Iltaqgħu fi Brussell fis-17 ta’ Jannar biex jippreżentaw valutazzjoni inizjali ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn l-istituzzjonijiet li huma jmexxu u biex jiġu esplorati possibbiltajiet għal aktar attivitajiet konġunti.

Il-KESE u l-kontroparti tiegħu fi Franza qed jippjanaw li jibnu fuq l-isforzi konġunti tagħhom biex tissaħħaħ il-vuċi tas-soċjetà ċivili dwar kwistjonijiet soċjali ewlenin li jaffettwaw direttament liċ-ċittadini Ewropej.

Minn meta ġie ffirmat il-ftehim ta’ sħubija tagħhom f’Ġunju 2017, iż-żewġ presidenti wettqu għadd ta’ attivitajiet konġunti li ħarġu fid-dieher l-pożizzjonijiet allineati mill-qrib tagħhom dwar żewġ kwistjonijiet Ewropej topiċi ħafna.

Dwar il-kwistjonil-istazzjonar tal-ħaddiema, huma enfasizzaw il-ħtieġa li tiġi evitata akkost ta’ kollox ġirja lejn l-aktar livell baxx fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fl-Ewropa.

Rigward it-tibdil fil-klima, huma enfasizzaw il-ħtieġa għal ġustizzja klimatika, u ħeġġew lill-UE u lill-gvernijiet nazzjonali sabiex jadottaw miżuri li jipproteġu dawk l-aktar vulnerabbli u lill-ifqar sezzjonijiet tas-soċjetà, li ħafna drabi huma l-iżjed affettwati mit-tibdil fil-klima, minkejja li huma l-inqas responsabbli għalih. (dm)