Il-KESE jitlob li jkun hemm assigurazzjoni finanzjarja biex tikkumpensa lil vittmi ta’ frodi ċibernetika

It-titjib tal-kooperazzjoni legali bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi ċibernetika huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, qal il-KESE f’opinjoni riċenti li tivvaluta l-abbozz ta' direttiva tal-Kummissjoni dwar il-Ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti. Madankollu, il-KESE jitlob li jkun hemm aktar salvagwardji biex jipproteġu lill-utenti ta’ mezzi ta’ pagament diġitali u miżuri ta’ prevenzjoni obbligatorji biex iwissuhom dwar il-modi ta’ kif joperaw il-kriminali ċibernetiċi.

Filwaqt li jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni, ir-relatur tal-opinjoni Victor Alistar jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li wieħed imur lil hinn minn kooperazzjoni investigattiva u ġudizzjarja bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi nazzjonali.

ll-KESE jissuġġerixxi li l-Istati Membri jkunu meħtieġa li jintroduċu assigurazzjoni finanzjarja biex tikkumpensa lil vittmi ta’ frodi ċibernatika li tinvolvi kards ta’ pagament. Din l-assigurazzjoni finanzjarja għandha tkopri kemm individwi kif ukoll SMEs.

Barra minn hekk, sabiex il-ġlieda kontra l-frodi ċibernetika tkun effettiva, l-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu meħtieġa legalment li jirrappurtaw inċidenti ta’ frodi ċibernetika.

Frodi ċibernetika li tinvolvi mezzi ta’ pagament diġitali maħruġa fiż-żona tal-euro hija kwistjoni serja. Skont rapport tal-BĊE, din ammontat għal EUR 1.4 biljun fl-UE fl-2013. Sa minn dakinhar, din kompliet tiżdied.

Wieħed mill-aktar oqsma vulnerabbli huwa l-pagament tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar – biljetti tal-ferrovija u tal-ajruplan, akkomodazzjoni u tranżazzjonijiet relatati oħra. Fost in-nies involuti f’dan it-tip ta’ frodi ċibernetika jew li qed japprofittaw minnha hemm individwi u organizzazzjonijiet involuti f’attivitajiet terroristiċi.

Il-prevenzjoni għandha wkoll ikollha rwol fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, fil-fehma tal-KESE. Il-pubbliku għandu jiġi mwissi dwar il-modi li bihom joperaw il-kriminali ċibernetiċi permezz tal-falsifikazzjoni tal-mezzi ta’ pagament diġitali, billi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri jipprovdu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ informazzjoni li jispjegaw il-kawżi, ir-riskji u l-modi ta’ kif l-individwi jipproteġu lilhom infushom mill-frodi ċibernetika.(dm)