“Made in Europe” trid tkun fuq livell ugwali ma’ kompetituri fis-suq Ewropew

Filwaqt li l-protezzjoniżmu mhuwiex alternattiva għall-Ewropa, l-UE lanqas ma tista’ tippermetti li s-suq intern tagħha tiġi mgħarrqa bi prodotti li qed imorru kontra l-istandards soċjali u ambjentali tagħha u li jipperikolaw l-industrija tagħha, wissa l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) f’rapport dwar politika industrijali komprensiva għall-UE adottat fis-sessjoni plenarja ta’ Jannar.

L-Ewropa trid tmexxi bl-eżempju, b’industrija tal-manifattura li tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema, tħares l-ambjent u tinvesti fl-innovazzjoni. Madankollu, dan kollu jfisser spejjeż sinifikanti, li huma riflessi fil-prezz tal-prodotti tagħha. Sabiex l-industrija tagħha tiġi garantita kundizzjonijiet ta’ kummerċ ġust, l-UE trid tiżgura li prodotti globali li jidħlu fis-suq tagħha jobdu l-istess regoli. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-opinjoni tal-KESE dwar Approċċ Komprensiv għall-politika industrijali.

“L-Ewropa ma tistax [...] ma tistax tkun inġenwa. Kapaċità żejda, għajnuna statali illegali u forom oħra ta’ kompetizzjoni inġusta għandhom jiġu indirizzati permezz ta’ regolazzjoni Ewropea, filwaqt li jiġu rispettati r-regoli tad-WTO”, qal ir-relatur Gonçalo Lobo Xavier (Min Iħaddem, PT).

L-għodod biex jiġu miġġielda dawn il-prattiki għandhom ikunu fuq l-aġenda tal-UE. Il-miżuri antidumping tal-UE jridu jkunu iżjed rapidi, monitorjati aħjar u aktar flessibbli.

Meta mqabbla ma’ atturi globali bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Korea, li qed ikunu attivi ħafna fl-iżvilupp tal-politika industrijali tagħhom, l-Ewropa għad m’għandhiex perspettiva koerenti fit-tul għall-industrija tagħha, enfasizza l-KESE.

Huwa meħtieġ pjan ta’ azzjoni industrijali konsistenti, b’miri, skedi u strumenti vinkolanti sabiex jiġu indirizzati l-erba’ sfidi ewlenin tal-għaxar snin li ġejjin: id-diġitalizzazzjoni, it-tibdil fil-klima, il-globalizzazzjoni u l-bidla demografika.

Ir-ripatrijazzjoni ta’ mill-inqas uħud mis-setturi tal-industrija Ewropea hija ħtieġa ewlenija wkoll.

L-opinjoni tfasslet fuq talba tal-Presidenza Bulgara tal-UE. (dm)