Aria Nuova: wirt kulturali għal inklużjoni soċjali

Permezz tal-proġett tagħha tal-Ecomuseo, il-kooperattiva Aria Nuova tgħin lin-nies b’diżabilitajiet mentali biex jesperjenzaw il-wirt kulturali, filwaqt li tasserixxi li d-dritt għall-kultura huwa universali. Billi tagħtihom l-aċċess għas-siti ta’ patrimonju u aktar tard biex jesprimu l-esperjenzi estetiċi tagħhom f’laboratorji parteċipattiva, l-inizjattiva tnaqqas is-sens ta’ iżolament tagħhom. Il-premju jibgħat messaġġ sinifikanti ta’ inklużjoni u solidarjetà, kemm għas-soċjetà ċivili inġenerali u għad-dinja ta’ diżabilità b’mod partikolari, jgħid Vincenzo Griffo ta’ Aria Nuova.

EESC Info: X’ifisser dan il-premju għalik u għall-organizzazzjoni tiegħek?

Aria Nuova: Dan il-premju jirrappreżenta l-quċċata ta’ proċess li kellna fiduċja kbira fih, proġett li ippermettilna nippruvaw forom innovattivi ta’ riabilitazzjoni għall-utenti ta’ servizzi psikjatriċi, filwaqt li jiżgura li dawn ikollhom aċċess għal u jistgħu jieħdu sehem f’attivitajiet kulturali u estetiċi, li huma esperjenzi vitali għall-iżvilupp personali ta’ kull individwu.

X’parir kieku taghti lil organizzazzjonijiet oħrajn f’termini tal-ksib ta’ riżultati b’attivitajiet u programmi bħal dawn?

Il-parir tiegħi lil organizzazzjonijiet oħrajn ikun li jinkoraġġixxu kwalunkwe tip ta’ proġett li jfittex li jqajjem kuxjenza pubblika sabiex kulħadd ikun jista’ japprezza l-valur ta’ wirt kulturali li huwa kompletament inklużiv.

Kif se tuża dan il-finanzjament speċifiku biex tingħata aktar għajnuna fil-komunità?

Aħna kburin mir-rikonoxximent li ngħatalna u se nużaw il-finanzjament biex inżidu n-numru ta’ proġetti u inizjattivi marbutin mal-proġett Ecomuseo. Għandna l-ħsieb li ninvolvu aktar ċentri ta’ riabilitazzjoni psikjatrika, l-għan aħħari hu li jiġi żgurat li l-pubbliku kollu jkun konxju tal-importanza li l-wirt kulturali jsir aktar aċċessibbli.

Fl-Italja, il-protezzjoni soċjali għall-persuni b’diżabilità tnaqqset b’EUR 10 miljun fuq medda ta’ sentejn (2018–2019) u l-liġi “Dawk li jiġu warajna” (“Dopo di noi”), li tippermetti li l-protezzjoni soċjali tintervjeni ladarba l-familja ma tkunx għadha preżenti biex tieħu ħsiebhom, tidher li hi operattiva f’erba’ reġjuni biss. F’dan l-isfond dan il-premju xi jfisser għalik?

Ir-rikonoxximent li rċevejna permezz tal-premju tal-KESE jerġa’ jieħu iktar importanza jekk inħarsu lejn il-qafas legali Taljan, li għadu mhuwiex suffiċjentement attent għall-bżonnijiet tal-persuni b’diżabbiltà u mhuwiex sodisfaċenti meta jiġi biex jipproteġihom. “Vakwu regolatorju” ta’ dan it-tip huwa aktar u aktar inaċċettabbli minħabba s-sitwazzjoni soċjali attwali - partikolarment f’dawn l-aħħar snin - li hi għatxana għall-attenzjoni aktar mill-qrib mill-istituzzjonijiet għal ħtiġijiet li jistgħu jiġu definiti b’mod ċar bħala drittijiet fundamentali tal-bniedem, kif minquxa fil-kostituzzjoni Taljana u enfasizzati fil-leġislazzjoni Ewropea.

Il-fatt li dan il-premju huwa daqstant prestiġjuż huwa indikazzjoni ta’ sensibbiltà dejjem akbar ta’ qasam – dak ta’ diffikultajiet ta’ saħħa mentali – li għadu stigmatizzat bil-qawwi, u jibgħat sinjal sinifikanti tal-inklużjoni u s-solidarjetà, kemm lis-soċjetà ċivili inġenerali u lid-dinja ta’ diżabilità b’mod partikolari. Billi jaġixxi bħala katalist għalina biex nipperseveru b’attivitajiet pijuniera immirati lejn l-inklużjoni ta’ forom oħra ta’ assistenza, il-premju jipprojetta immaġni ta’ pajjiż li jappoġġja s-solidarjetà u l-inklużjoni u hija approvazzjoni ċara tal-valuri tal-Unjoni. < /p >