In-nisa javvanzaw ma’ SWANS

L-organizzazzjoni li tgħin lin-nisa żvantaġġati ta’ talent ikollhom aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja biex itejbu l-possibilitajiet tagħhom li jkollhom karriera sodisfaċenti se tuża l-flus tal-premju biex tilħaq aktar nisa li potenzjalment jistgħu jirnexxu bil-kbir, qalet Martha Dudzinski minn SWANS.

KESE Info: Xi jfisser il-premju għalik u għall-organizzazzjoni tiegħek?

SWANS:  Li l-ħidma tagħna tiġi rikonoxxuta permezz ta’ premju tant prestiġġjuż bħall-Premju tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE huwa sinjal ta’ valur kbir lin-nisa kollha minn familji ta’ immigranti, iżda partikolarment dawk li jieħdu sehem fis-seminars tagħna, u b’dan il-mod iħossu li huma sostnuti u li għandhom valur kif ukoll imħeġġa biex isegwu t-triq li jagħżlu.

X’parir tagħti lil organizzazzjonijiet oħrajn f’termini tar-riżultati li jistgħu jinkisbu b’dawn l-attivitajiet u programmi?

Meta nitkellmu dwar il-kontribut lejn is-soċjetà ċivili, passjoni u motivazzjoni huma l-fatturi l-iktar kruċjali għas-suċċess. Trid tkun iddedikata għall-kawża tiegħek, peress li – bil-kontra tas-settur privat, ngħidu aħna – ma hemmx fatturi oħrajn bħal flus li jistgħu jimmotivawk. L-awtentiċità li tiġi bit-twemmin li għandek fil-kawża xxerred l-entużjażmu tiegħek u tgħinek issegwi b’suċċess l-għanijiet tiegħek.

Kif se tuża dan il-finanzjament speċifiku biex tipprovdi iktar għajnuna fil-komunità?

Il-flus tal-premju ser jippermettilna norganizzaw seminars addizzjonali u forsi saħansitra avveniment ta’ netwerking ikbar għan-nisa żgħażagħ fil-komunità tagħna biex jaqsmu l-ideat u l-esperjenzi u joħolqu rabtiet u linji ta’ komunikazzjoni.

Bħala organizzazzjoni li taħdem lejn l-integrazzjoni tal-migranti, li kieku kellek l-opportunità li tadotta dispożizzjoni legali speċifika waħda fil-livell Ewropew, liema tkun?

Bosta studji xjentifiċi juru biċ-ċar li s-swieq tax-xogħol attwali jiddiskriminaw b’mod pożittiv favur irġiel bojod għad-detriment tan-nisa, nies ta’ kulur u minoranzi oħrajn. Sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata u jinħolqu kundizzjonijiet indaqs, miżuri legali jistgħu jipprovdu appoġġ temporanju għal dan il-proċess. Proċessi ta’ applikazzjoni għamja u kwoti jistgħu jġiegħlu lil-impjegaturi jagħmlu sforz biex isibu dak il-kandidat li huwa ġenwinament bl-aħjar kwalifiki; huma ser jitgħallmu kif għandhom jattiraw u jikkonvinċu impjegati minn sfondi differenti li tant ilhom jiġu injorati. Madankollu, dawn il-miżuri, flimkien mad-diskriminazzjoni pożittiva, dejjem jiffaċċjaw kwistjoni ta’ leġittimazzjoni: ħadd ma jrid li l-kwalifiki tiegħu jew tagħha jiġu miċħuda u li tissejjaħ “mara/migranti/eċċ. bil-kwota”. Iżda nistgħu negħlbu din l-attitudni ta’ akkuża li l-minoranzi mhumiex kwalifikati biss jekk nibdew billu nammettu li s-suq tax-xogħol attwali mhuwiex ibbażat primarjament ibbażata fuq il-kwalifiki, iżda fuq ir-riproduzzjoni ta’ strutturi eżistenti dominati minn irġiel bojod. Aktar ma l-impjegaturi jiddeċiedu malajr biex jegħlbu l-preġudizzji subkonxji tagħhom, aktar ma n-nies ikunu jistgħu jemmnu li x-xogħol iebes u l-kwalifiki tagħhom jistgħu jħallu l-frott.