Balkans Beyond Borders: nisfruttaw is-saħħa tal-kreattività taż-żgħażagħ biex infejqu l-ġrieħi tal-gwerra

Billi jgħaqqad liż-żgħażagħ minn madwar il-Balkani biex jaqsmu l-kultura tagħhom permezz tal-festival tal-films tiegħu, il-Balkans Beyond Borders qed ifittex li jegħleb l-imgħoddi mqanqal tar-reġjun. Għaliex jekk għandha tinbidel xi ħaġa, din se tinbidel miż-żgħażagħ u għall-benefiċċju tagħhom, tistqarr Veroniki Krikoni tal-BBB.

KESE Info: Xi jfisser għalik u għall-organizzazzjoni tiegħek il-fatt li rċevejtu dan il-premju?

BBB:Balkans Beyond Borders jiċċelebra l-10 anniversarju tiegħu fl-2019 u dan il-premju, apparti milli jtina spinta sostanzjali f’ħidmietna, se jkollu wkoll valur simboliku. Li konna fost ir-rebbieħa tal-premju tal-KESE huwa rikonoxximent għall-għaxar snin ta’ ħidma tagħna. Il-premju se jagħti lill-festival l-ispinta meħtieġa sabiex iwessa’ l-ħidma u l-missjoni tiegħu u jtejjeb il-viżibbiltà, sabiex ikun jista’ jilħaq aktar udjenzi f’aktar postijiet fl-Ewropa, kemm fiżikament, permezz ta’ avvenimenti kulturali, u kemm elettronikament, permezz tal-pjattaforma onlajn tagħna, filwaqt li jagħti lok għad-djalogu permezz tal-arti. Barra minn hekk, dan se jippermettilna nintegraw il-komunità BBB, noffru masterclasses speċjali dwar temi u tekniki innovattivi, u nipprovdu pjattaforma tanġibbli li tista’ tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ spazju pubbliku Ewropew li jikkondividi l-patrimonju, il-valuri u l-identitajiet Ewropej komuni.

X’parir tista’ tagħti lil organizzazzjonijiet oħrajn f’dak li jirrigwarda l-kisba ta’ riżultati b’dawn l-attivitajiet u programmi?

Il-parir tagħna huwa doppju: minn naħa waħda ppersistu, insistu u aħdmu b’mod metodiku, u min-naħa l-oħra l-ingredjent ewlieni huwa li għandna nibqgħu miftuħin. Flimkien aktar b’saħħitna. Ippruvaw sibu msieħba xierqa li jkunu adatti għall-viżjoni u l-missjoni tagħkom, u li jistgħu joffru ħiliet komplementari u jgħinukom tipperfezzjonaw is-sengħa tagħkom.

Kif se tużaw dan il-finanzjament speċifiku biex tipprovdu għajnuna ulterjuri fil-komunità?

L-organizzazzjoni tagħna tiffoka fuq l-idea tal-kondiviżjoni, bħat-tema tal-festival ta’ din is-sena. Il-kondiviżjoni ta’ ideat, il-kondiviżjoni ta’ kulturi, il-kondiviżjoni tar-riżorsi tagħna ma’ kull min jinsab fil-bżonn. Għalhekk dan il-finanzjament se jippermettilna nkunu aktar effettivi biex nikkondividu l-ħolma tagħna ma’ aktar nies għal Ewropa aħjar, filwaqt li niffokaw saħansitra aktar fuq il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ. Għaliex ejja ma ninsewx, li jekk għandha tinbidel xi ħaġa, din se tinbidel miż-żgħażagħ (u għall-benefiċċju tagħhom).

Il-fokus ta’ Balkans Beyond Borders jirrigwarda ż-żgħażagħ, iżda x’hemm fir-rigward tal-ġenerazzjonijiet akbar fl-età fejn il-ġrieħi tal-gwerra ħallew feriti aktar profondi? Taħseb li dan l-approċċ se jiffunzjona magħhom? 

Din hija sfida li għandna naċċettaw. Iż-żgħażagħ huma l-futur tal-Ewropa, iżda l-ġenerazzjonijiet akbar fl-età sofrew il-ġrieħi tal-gwerra. Madankollu, l-għoti ta’ spazju lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ biex isemmgħu leħinhom, biex iħossuhom liberi li joħolqu u jerġgħu jifformaw kunċetti fir-rigward tal-passat tagħhom, hija xi ħaġa li tista’ tkun ta’ valur miżjud ukoll għall-ġenerazzjonijiet akbar fl-età. Il-motto tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali huwa “fejn il-passat jiltaqa’ mal-futur”: dan huwa eżattament dak li qed nippruvaw nagħmlu billi nnaqqsu d-distakk bejn epoki differenti billi nindirizzaw il-ġenerazzjonijiet akbar fl-età permezz tas-setgħa taż-żgħażagħ.