Safe Passage: iżżomm il-kultura tad-drittijiet tal-bniedem ħajja

L-organizzazzjoni Brittanika li qed tissielet biex toffri rotot sikuri u legali għar-refuġjati tfal lejn ir-Renju Unit se tuża l-flus tal-premju biex tgħin biex tilħaq l-objettiv tagħha li 10 000 tifel u tifla jibdew ħajja mill-ġdid fuq medda ta’ 10 snin, tispjega Charlotte Morris, il-kap tal-komunikazzjoni u l-iżvilupp tal-organizzazzjoni, lill-KESE Info.

KESE Info: Xi jfisser dal-premju għalik u għall-organizzazzjoni tiegħek?

Safe Passage: Il-premju jirrappreżenta d-determinazzjoni qawwija tagħna li npoġġu d-dinjità umana u d-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-ħidma tagħna. Dawn huma valuri li nafu li huma maqsuma minn nies madwar l-Ewropa u, minkejja l-inċertezzi tal-futur, dawn il-valuri se jibqgħu kostanti.

Liema parir tagħti lil organizzazzjonijiet oħra f'termini ta’ kisba ta' riżultati b'dawn l-attivitajiet u l-programmi?

Aħna ta’ Safe Passage determinati li niftħu rotot sikuri u legali għar-refuġjati. It-tim u l-imsieħba tagħna għandna l-attitudni ta’ "aqbad u agħmilha"; li l-organizzazzjoni hija żgħira jgħin ukoll ma’ dan.

Kif se tużaw dan il-finanzjament speċifiku biex tipprovdu aktar għajnuna fil-komunità?

Dan il-premju se jgħinna nkomplu bil-kampanja tagħna biex nagħtu aċċess għal passaġġ bla periklu lil aktar refuġjati tfal, b'mod partikolari:

L-EWWEL, biex niddefendu d-dritt tat-tfal refuġjati fl-Ewropa għar-riunifikazzjoni tal-familja fir-Renju Unit issa u wara Brexit.

IT-TIENI, biex inkomplu l-kampanja tagħna biex nassiguraw impenn mill-gvern tar-Renju Unit biex 10 000 refuġjati tfal jerġgħu jibdew ħajja mill-ġdid matul l-10 snin li ġejjin.

u t-TIELET, biex nippromovu kampanja biex tinħoloq bidla pożittiva fl-attitudnijiet tal-pubbliku lejn il-Gran Brittanja li toffri protezzjoni lir-refuġjati, u attitudnijiet b'mod usa’ madwar l-Ewropa.

Brexit kif se jaffettwa x-xogħol tagħkom?

Għandna pjanijiet fis-seħħ biex niżguraw li dan ma jaffettwax il-ħidmiet tagħna. Għandna żgurata emenda għall-Abbozz ta’ Rtirar ta' Brexit biex ir-refuġjati tfal ikunu jistgħu jkomplu jingħaqdu mal-familji tagħhom fil-Gran Brittanja wara Brexit. Se nkomplu ngħaqdu wkoll lir-refuġjati mal-familji tagħhom madwar l-Ewropa.