Togħmiet mid-Danubju – Inserrħu fuq il-ħobż

Jekk tixtieq tqarreb lill-poplu Ewropew lejn l-idea ta’ Ewropa magħquda u ta’ paċi, jeħtieġ tinvolvi lil persuni ordinarji, tgħid Eva Hrabal mill-organizzazzjoni rebbieħa.

KESE Info: X’ifisser dan il-premju għalik u għall-organizzazzjoni tiegħek?

Togħmiet mid-Danubju: Il-premju huwa rikonoxximent kbir għall-isforzi li għamilna biex inlaqqgħu flimkien lil persuni minn kull età u minn kull sfond etniku u soċjali fil-pajjiżi kollha tad-Danubju, biex ngħaqqduhom madwar is-suġġett tal-ħobż, u nagħmluhom konxji dwar l-għeruq kulturali komuni tagħna fiż-żona tad-Danubju u fl-Ewropa. Huwa unur u apprezzament kbir għall-ħafna organizzazzjonijiet u persuni involuti f’dan il-proġett, speċjalment il-voluntiera. Ser jipprovdi impetu qawwi biex tiġi estiża l-kooperazzjoni Ewropea u biex tinbena “rotta tal-ħobż” kulturali madwar l-Ewropa. Il-premju ser isaħħaħ il-ħbiberija interkulturali tagħna tul id-Danubju, iħeġġeġ lil oħrajn biex jingħaqdu fl-attivitajiet tagħna u jgħinna inxerrdu l-idea fir-reġjun tad-Danubju u madwar l-Ewropa kollha, biex b’hekk jiġu konnessi saħansitra aktar nies.

X’parir tagħti lil organizzazzjonijiet oħrajn biex jiksbu riżultati f’tali attivitajiet u programmi?

Jekk għandek viżjoni li tlaqqa’ lil persuni Ewropej eqreb lejn l-idea ta’ Ewropa magħquda u ta’ paċi, jeħtieġ tinvolvi nies ordinarji, u fuq kollox, għandek temmen fil-viżjoni tiegħek.  Fittex imsieħba li jikkondividu din il-viżjoni, kif ukoll organizzazzjonijiet u msieħba li jipprovdu appoġġ finanzjarju. Fittex idea li tgħin biex jingħelbu l-ostakli tal-lingwa permezz ta’ attività komuni. Involvi lill-voluntiera mill-bidu fuq bażi ugwali. Uża l-opportunitajiet li l-midja diġitali toffri għall-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni. Ibda fiċ-ċokon u agħti prova tiegħek, u dan imbagħad ikollu effett li kulma jmur dejjem jikber.

Kif se tuża dan il-finanzjament speċifiku biex tipprovdi aktar għajnuna fil-komunità?

Se tkun taħlita ta’ finanzjament strutturali u appoġġ għal avvenimenti sabiex jiġu inklużi aktar imsieħba fir-“rotta tal-ħobż” kulturali. Nittamaw li l-premju se jgħinna nsibu aktar sponsors - peress li l-proġetti kbar jirrikjedu finanzjament kbir.

Fil-fehma tiegħek, x’inhu l-aħjar mod biex jiġi żgurat li kull pajjiż jippreserva u jkun kburi bil-wirt kulturali tiegħu, filwaqt li fl-istess ħin jisfrutta d-diversità kulturali li għandha x’toffri l-Ewropa?

Agħmel mezz biex id-diversità tat-tradizzjonijiet kulturali u tal-lingwi tkun viżibbli u titqies bħala valur li jarrikkixxi Dar l-Ewropa kondiviża tagħna. Ġiegħel lin-nies jirrealizzaw li aħna lkoll għandna ħafna affarijiet komuni fil-ħajja ta’ kuljum tagħna - fl-istorja u l-kultura tagħna. Ippromovi l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-persuni f’pajjiżi tal-Punent, tal-Lvant u tax-Xlokk permezz ta’ attivitajiet kondiviżi, sabiex jitnaqqas l-preġudizzju u jitrawwem l-għarfien Ewropew. Uri l-valuri Ewropej fil-prattika permezz ta’ ħidma flimkien b’metodi innovattivi. Oħloq baġit għal proġetti u opportunitajiet kulturali transnazzjonali fuq skala żgħira u sabiex jitlaqqgħu flimkien organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili żgħar iżda attivi. Ġiegħel in-nies iħossuhom f’darhom fl-Ewropa!