Discovering hands, mill-Ġermanja, jirbaħ l-ewwel premju tal-Premju tas-Socjetà Ċivili tal-KESE għall-2017

Discovering hands

Inizzjattivi mill-Greċja, il-Belġju, l-Italja u Spanja jiġu ppremjati wkoll

Il-proġett Ġermaniż Discovering hands, li jħarreġ lil nisa għomja jew b’diżabilità viżwali biex jużaw is-sens tal-mess superjrui tagħhom biex itejbu d-detezzjoni bikrija tal-kanser tas-sider, ġie ppremjat EUR 14 000. L-erba’ inizjattivi l-oħra mill-Greċja, il-Belġju, l-Italja u Spanja ngħataw EUR 9 000 kull waħda.

Il-ħames proġetti rebbieħa huma xhieda tax-xogħol li qed jitwettaq mill-NGOs madwar l-Ewropa biex tingħata għajnuna lil uħud mill-gruppi l-iktar vulnerabbli u żvantaġġati fis-soċjetà sabiex jidħlu fis-suq tax-xogħol. Kull waħda minnhom turi r-rwol essenzjali moqdi minn organizzazzjonijiet fil-livell l-iktar bażiku biex is-swieq tax-xogħol ikunu aktar inklużivi u biex persuni ta’ kull età u sfond jiġu mħeġġa jfittxu mpjieg jew isiru intraprendituri.

"Huwa pjaċir kbir u privileġġ għalija li nippreżenta dan il-premju lir-rebbieħa. Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nifirħilhom, iżda wkoll biex infaħħar l-individwi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jistħoqqilhom kull tifħir għax-xogħol kbir u l-impenn tagħhom biex ħajjet in-nies titjieb, u dawn huma xempju għal kulħadd," qal il-President tal-KESE Georges Dassis.

REvive Greece tgħin lir-refuġjati, dawk li qed ifittxu ażil u lill-migranti biex jintegraw fil-pajjiżi ospitanti billi tgħallimhom l-ipprogrammar tal-kompjuter u toħloq rabtiet ma’ intraprendituri żgħażagħ Ewropej. DUO for a JOB mill-Belġju huwa programm ta’ mentoring interġenerazzjonali u interkulturali li joffri servizz individwali b’xejn ta’ sitt xhur għal migranti żgħażagħ li qed ifittxu xogħol, ipprovdut minn persuni ’il fuq minn 50 sena li għandhom esperjenza professjonali f’qasam simili għal tagħhom. Il-proġett Taljan Progetto Quid immexxi minn Cooperativa Sociale Quid huwa ditta tal-moda etika li tgħin lil gruppi vulnerabbli żvantaġġati bħal persuni qed ifittxu ażil u vittmi tal-iskjavitu, il-prostituzzjonali u l-vjolenza domestika, biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. Il-proġett Spanjol Laundry ID tal-Institute of Robotics for Dependency (IRD) għandu l-għan li joħloq impjiegi għal persuni b’diżabilitajiet f’servizz tal-ħasil tal-ħwejjeġ li ngħata disinn teknoloġiku ġdid u adattat għall-ħtiġijiet tagħhom.

Il-ħames rebbieħa ntgħażlu minn lista ta’ iktar minn 100 proġett. L-għadd kbir ta’ parteċipanti għall-Premju tas-Soċjetà Ċivili 2017 juri li l-qgħad jibqa’ kwistjoni reali fl-Ewropa, b’waħda minn kull għaxar persuni bla impjieg u waħda minn kull erbgħa fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali. (sg)