Illum għandna l-kredenzjali biex niksbu s-sostenn tas-settur privat u nagħtu bidu għal reazzjoni katina, tgħid REvive Greece

Revive_1

Li l-karità tingħaqad ma’ servizz li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-kumpaniji tal-ICT u d-domanda tas-suq għall-ħiliet tal-IT ser jgħin biex REvive Greece ssir sostenibbli kif ukoll tkun kapaċi tikber, jgħid id-direttur maniġerjali Theodore Dimakarakos.

KESE Info: Tista’ tgħidilna xi jfisser għalik u għall-organizzazzjoni tiegħek li rbaħtu dan il-premju?

REvive Greece: Li nirċievu dan il-premju kien kemm unur kif ukoll rikonoxximent tal-fatt li ħidmietna għandha impatt dirett fuq il-persuni li jeħtieġu appoġġ speċifiku biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. Aħna nistennew li l-fatt li dan ir-rikonoxximent wassal għal kopertura estensiva, ser ikun pass ’il quddiem, mhux biss biex niksbu l-attenzjoni ta’ benefiċjarji potenzjali, iżda wkoll biex jgħinna noħolqu sħubijiet ma’ organizzazzjonijiet oħrajn madwar l-Ewropa li għandhom l-istess viżjoni. Fl-istess ħin, dan serva wkoll biex l-inizjattiva tagħna tkun magħrufa fis-settur privat, li jista’ jkollu rwol sinifikanti fil-ħidma tagħna.

X’parir tagħti lil organizzazzjonijiet oħra f’termini ta’ ksib ta’ riżultati f’attivitajiet u programmi simili?

Nemmnu bis-sħiħ li kull organizzazzjoni li għandha l-għan li jkollha impatt soċjali għandha tipprova tidentifika soluzzjoni li tkun ta’ benefiċċju għall-partijiet interessati kollha. Il-karità hija element fundamentali tas-solidarjetà fi kwalunkwe soċjetà, u ladarba tikkombinaha ma’ soluzzjoni li tissodisfa ħtieġa tal-atturi ewlenin li jistgħu jgħinuk tilħaq il-mira tiegħek, l-inizjattiva ssir sostenibbli kif ukoll tkun tista’ tikber. B’mod partikolari, organizzazzjonijiet li għandhom l-għan li jiżviluppaw il-ħiliet diġitali tal-benefiċjarji tagħhom iridu jaħdmu mill-qrib mas-settur privat (jiġifieri, kumpaniji tal-ICT) peress li hemm żbilanċ u domanda kbira għal dawn il-ħiliet, u b’hekk tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd.

Kif ser tuża dan il-finanzjament biex tipprovdu aktar għajnuna fil-komunità?

L-għan tagħna issa huwa li nespandu l-attivitajiet tagħna u nżidu n-numru ta’ studenti, li mhuwiex kompitu faċli. Għandna bżonn skola akbar u tagħmir addizzjonali. Fuq kollox, neħtieġu l-persuni adatti biex jgħinuna noħolqu s-sistemi u l-proċeduri li huma meħtieġa meta organizzazzjoni tespandi. Dan il-finanzjament se jkopri xi wħud minn dawn l-ispejjeż, iżda r-rikonoxximent innifsu se jgħinna anki aktar, peress li dan jagħtina l-kredenzjali biex naħdmu mas-settur privat, u noħolqu reazzjoni katina.