DUO for a JOB: Wasal il-waqt li naġixxu sabiex kulħadd isib postu fis-soċjetajiet tagħna permezz tax-xogħol

Duo for a job_1

Għad hemm distakk wiesa’ fi bliet Ewropej bejn persuni minn sfond ta’ migrazzjoni u dawk lokali fejn jidħol l-aċċess għas-suq tax-xogħol, qalet Emmanuelle Ghislain, koordinatur tal-kommunikazzjoni u tal-ġbir ta’ fondi tal-organizzazzjoni Belġjana DUO for a JOB, u ħabbret li l-flus tal-premju se jikkontribwixxu għat-tnedija ta’ fergħa ġdida f’Pariġi.

KESE Info: Jekk jogħġbok għidilna x’ifisser dan il-premju għalik u għall-organizzazzjoni tiegħek?

DUO for a JOB: Il-bliet fl-Ewropa qed isiru dejjem iktar diversi, globali u multikulturali. Iżda s’issa, dawn qed ibatu biex jisfruttaw il-potenzjal tal-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni. Għad hemm distakk enormi fl-aċċess għas-suq tax-xogħol bejn dawn il-persuni u dawk lokali. Dan huwa ħela ta’ riżorsi terribbli.

Issa wasal iż-żmien li niffukaw l-isforzi tagħna biex niżguraw li kulħadd jista’ jinstab fil-post xieraq, speċifikament permezz tax-xogħol, sabiex nibnu futur pożittiv.

L-għoti tal-premju tal-KESE jikkonferma li l-isforzi tagħna huma konformi ma’ moviment globali lejn aktar opportunitajiet indaqs. Huwa kemm unur kif ukoll opportunità eċċellenti għalina biex niltaqgħu u niddiskutu ma’ inizjattivi oħrajn, u nibnu flimkien Ewropa aktar inklużiva.

X’parir tagħti lil organizzazzjonijiet oħra f’termini tal-kisba ta’ riżultati permezz ta’ tali attivitajiet u programmi? 

Aħna nemmnu li l-mentoring interkulturali u interġenerazzjonali huwa għodda b’saħħitha ħafna biex titrawwem l-integrazzjoni professjonali u għat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali.

Sabiex isir aktar effettiv, nemmnu li għandna nikkonċentraw fuqu bħala attività prinċipali u jiġi żviluppat approċċ strutturat b’qafas ta’ appoġġ qawwi (taħriġ, manwal, superviżjoni, eċċ.). Sħubijiet u interazzjonijiet umbagħad iridu jinħolqu ma’ organizzazzjonijiet oħrajn speċjalizzati f’oqsma komplementari, u ma’ partijiet interessati oħrajn bħal kumpaniji u servizzi pubbliċi, sabiex jinħoloq netwerk ta’ appoġġ effettiv.

Professjonaliżmu b’kumpassjoni flimkien ma’ standards għoljin ta’ akkoljenza u attenzjoni għal relazzjonijiet fost “mentees” u “mentors” huma wkoll fatturi importanti għas-suċċess ta’ proġetti bħal dawn.

Kif se tużaw dan il-finanzjament speċifiku biex tgħinu aktar fil-komunità?

Speċifikament, il-premju li ser ningħataw illum se jkun investit direttament fl-ottimizzazzjoni tal-programm tagħna, kemm f’termini ta’ kwalità kif ukoll f’termini tal-għadd ta’ benefiċjarji, prinċipalment bil-ftuħ ta’ fergħat fi bliet Ewropej oħra bħal Pariġi (fejn għadna qed infittxu b’mod attiv sħubijiet u appoġġ).