Il-Premju għas-Soċjetà Ċivili se jkun il-punt ta’ tluq tagħna lejn l-Ewropa, jgħid Progetto Quid

Progetto Quid_1

L-intrapriża tal-ekonomija soċjali bbażata f’Verona qed tippjana li tuża l-Premju għas-Soċjetà Ċivili biex tixtri magni aktar sofistikati, tirrekluta aktar persuni żvantaġġati, tiżviluppa aktar ħiliet avvanzati u tespandi lil hinn mill-fruntieri tal-Italja. Giulia Houston, inkarigata mir-relazzjonijiet istituzzjonali, tgħid li s-soluzzjoni għas-suċċess hija li wieħed ikun jista’ jiddependi minn netwerks lokali b’saħħithom.

KESE Info: Tista’ jekk jogħġbok tgħidilna xi jfisser dan il-premju għalik u għall-organizzazzjoni tiegħek?

Dan il-premju huwa ta’ unur għall-proġett Quid u jipprovdilna l-opportunità li nsaħħu l-kredibbiltà u l-viżibbiltà tagħna. Dan ifisser ħafna għalina, peress li qed nippjanaw li nistabbilixxu kuntatti fix-xena Ewropea fil-futur qrib, anke ma istituzzjonijiet u finanzjaturi internazzjonali li jistgħu jagħżlu li jappoġġjaw il-pjani futuri tagħna.

KESE Info: X’parir tagħti lil organizzazzjonijiet oħra biex ikunu jistgħu jiksbu riżultati b’attivitajiet u programmi simili? 

Il-parir li ngħata Quid meta twaqqaf, u li kien kruċjali għas-suċċess tagħna, kien li huwa essenzjali li jinħolqu netwerks b’saħħithom ma’ msieħba lokali. Barra minn hekk, nagħtu parir lil kwalunkwe persuna li għandha l-ħsieb tniedi proġetti simili li tistabbilixxi tim komplut, iddedikat u determinat. Dan huwa essenzjali biex jinħolqu sisien sodi li fuqhom jinbnew l-attivitajiet u l-futur tal-intrapriża.

Kif se tużaw dawn il-fondi speċifiċi biex tipprovdu iżjed għajnuna lill-komunità?

Il-fondi li rċevejna permezz tal-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili ser jintużaw għat-titjib tal-istruttura ta’ produzzjoni tagħna. Għandna l-ħsieb nużawhom biex nixtru strumenti li jagħmluha possibbli li iżjed nies jaħdmu ma’ Quid: l-użu ta’ magni iżjed sofistikati għall-kisba ta’ ħiliet u tekniki iżjed avvanzati ser jgħin fil-ħolqien ta’ tkabbir professjonali għal għadd dejjem jikber ta’ ħaddiema fi Quid.