Il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa li jgħixu fl-unità domestika fejn jaħdmu jiffaċċjaw kundizzjonijiet prekarji,minkejja n-nuqqas ta’ ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa

Il-KESE jaġixxi fil-livel lokali biex jikseb għarfien dirett dwar is-settur tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa li jgħixu fl-unità domestika fejn jaħdmu fl-Ewropa

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC) organizza l-ewwel laqgħa fis-sensiela tal-laqgħat tiegħu “going local” dwar il-futur tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa fl-Ewropa li jgħixu fl-unità domestika fejn jaħdmu li saret f’Londra fid-29 ta’ Novembru, fi sforz biex jagħmel riċerka dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji ta’ dawn il-ħaddiema.

Apparti r- Renju Unit, il-KESE se jorganizza wkoll laqgħat fil-Ġermanja, l-Iżvezja, l-Italja u l-Polonja – xi wħud mill-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ destinazzjoni tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa li jgħixu fl-unità domestika fejn jaħdmu.

Iż-żjarat huma segwitu tal-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE adottata fl-2016, li kienet l-ewwel dokument ta’ politika fil-livell tal-UE li jittratta l-ħaddiema tal-kura tas-saħħa li jgħixu fl-unità domestika fejn jaħdmu fl-Ewropa.

Mhuwiex magħruf l-għadd preċiż tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa li jgħixu fl-unità domestika fejn jaħdmu, l-istess bħall-kontribut tagħhom għall-ekonomiji tal-Istati Membri tal-UE.

Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, ix-xogħol domestiku kien jgħodd għal 5-9% tal-impjieg kollu fil-pajjiżi industrijalizzati fl-2012. F’Ewropa li qed tixjieħ mifnija minn nuqqas ta’ xogħol fis-settur tal-kura u minn nuqqas ta’ infrastruttura adegwata għall-provvista ta’ kura fit-tul, huwa mistenni li jiżdied l-għadd ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa li jgħixu fl-unità domestika fejn jaħdmu.

Il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa li jgħixu fl-unità domestika fejn jaħdmu huma fost l-iżjed forza tax-xogħol mobbli fl-UE, u l-Ewropa Ċentrali għadha qed tipprovdi ħafna minn dawn il-ħaddiema.

Madankollu, l-istatus ta’ impjieg tagħhom ta’ spiss ma jkunx irregolat, ix-xogħol tagħhom ma jiġix iddikjarat u ta’ spiss isir f’kundizzjonijiet diffiċli ħafna.

Fost affarijiet oħra, il-KESE qed jipproponi li tiġi rikonoxxuta l-eżistenza tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa li jgħixu fl-unità domestika fejn jaħdmu billi tiġi pprovduta definizzjoni komuni tal-professjoni tagħhom kif ukoll l-inklużjoni tagħhom fis-sistema tal-kura fit-tul, bid-drittijiet kollha marbuta mar-regolamenti rilevanti tal-UE u l-Istati Membri fil-qasam tal-impjieg.

Barra minn hekk, jeħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu appoġġ finanzjarju u organizzativ għal dawk li jirċievu l-kura, li ta’ spiss ma jkunux konxji li meta jikru ħaddiem tal-kura tas-saħħa li jgħix fl-unità domestika huma jsiru impjegaturi ġenwini, bir-reponsabbiltajiet li dan iġib miegħu.

B’referenza għar-Renju Unit, ir-relatur Adam Rogalewski (Ħaddiema, PL) qal: “Indunajna li s-settur tal-kura soċjali ntlaqgħet ħażin ħafna mit-tnaqqis fil-finanzjament ta’ GBP 6 miljun mill-2010 ’l hawn. Minħabba f’hekk, id-disponibbiltà u l-kwalità tal-kura marru għall-agħar ferm. In-nuqqas ta’ ħaddiema minħabba pagi baxxi u kundizzjonijiet ħżiena fis-settur wasslu għal żieda f’daqqa f’arranġamenti informali ta’ kura. Is-soċjetà ċivili fl-Ewropa u b’mod partikolari fir-Renju Unit qed titlob li tintemm din il-loġika ta’ awsterità. Hemm ħtieġa urġenti li jsir investiment akbar fis-settur tal-kura.”

Ir-riżultati taż-żjarat tal-KESE fil-pajjiżi ser jiġu ppreżentati f’rapport li għandu jiġi ppubblikat aktar tard fl-2018.(ll)