Il-prijoritajiet tal-KESE għall-2018 iqiegħdu liċ-ċittadini Ewropej fiċ-ċentru tal-ġejjieni tal-Ewropa

Fit-13-14 ta’ Novembru 2017, il-Bureau tal-KESE il-korp politiku ta’ tmexxija tal-Kumitat iltaqa’ f’Sophia, il-Bulgaria, fejn stabbilixxa l-prijoritajiet politiċi tal-KESE għall-2018. Dawn il-prijoritajiet se jikkostitwixxu l-bażi għall-opinjonijiet fuq inizjattiva proprja li se jiġu adottati mill-KESE fl-2018, flimkien ma’ dawk imfassla b'risposta għal talbiet speċifiċi mingħand dawk li jfasslu l-liġi tal-UE.

Il-prijoritajiet, li għandhom l-għan li jagħmlu liċ-ċittadini Ewropej l-atturi ewlenin fil-ġejjieni tal-Ewropa, jinkludu:

  • tiġi ggarantita l-implimentazzjoni effettiva tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tiġi enfasizzata l-ħtieġa għall-ħolqien ta’ impjiegi deċenti;
  • tiġi żgurata transizzjoni ġusta għal ekonomija u soċjetà diġitali;
  • jittejjeb it-tkabbir sostenibbli għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha billi jitħeġġu l-intraprenditorija u l-investiment, politiki fiskali ġusti u distribuzzjoni aħjar tal-ġid;
  • il-promozzjoni ta’ transizzjoni ġusta lejn ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' karbonju, u enerġija u mobbiltà sostenibbli;
  • il-promozzjoni ta’ politika ta' migrazzjoni inklużiva li tiffaċilita l-integrazzjoni u politika ambizzjuża dwar il-migrazzjoni esterna;
  • tittejjeb il-koeżjoni soċjali u territorjali billi jiġi pprovdut baġit adegwat tal-UE;
  • tiġi approfondita l-governanza ekonomika, fiskali u finanzjarja tal-UE u titlesta l-Unjoni Ekonomika u Monetarja għal Ewropa sostenibbli u omoġenja.

Fl-aħħarnett il-prijoritajiet il-ġodda jtennu l-importanza li tiġi applikata l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE għall-politiki domestiċi u barranin kollha tal-Unjoni sabiex jintlaħaq bilanċ ġust bejn il-libertajiet ekonomiċi u d-drittijiet fundamentali u biex jiġu promossi aħjar il-valuri demokratiċi tagħna. (pt)