Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali – X’imiss? mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

Il-Grupp tal-Ħaddiema qed jaħdem b’mod konsistenti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Opinjonijiet tal-KESE li ġew adottati dan l-aħħar mill-membri tal-Grupp tal-Ħaddiema joffru proposti konkreti biex jitmexxa ’l quddiem il-proċess tal-bini ta’ Ewropa soċjali fil-kuntest tal-Pilastru.

L-Opinjoni ta’ Erika Koller Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw tanalizza l-modi li bihom tista’ tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u kif l-irġiel jitħeġġu jerfgħu iżjed responsabbiltajiet tal-familja.  Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huwa l-ewwel rotta lejn l-implimentazzjoni tal-Pilastru Soċjali u jagħmel kontribut reali għall-ħajja tal-ġenituri li jaħdmu u b’hekk tinkiseb aktar ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-Ewropa.

L-Opinjoni ta’ Plamen Dimitrov L-inugwaljanza fil-ġid fl-Ewropa tinkludi proposti konkreti dwar il-politika fiskali u t-tassazzjoni fuq il-ġid bħala l-aktar għodda qawwija biex jiġi żgurat l-investiment mill-ġdid tal-kapital, ir-ridistribuzzjoni tal-ġid, impjiegi ta’ kwalità tajba u standards minimi għall-ħaddiema, sabiex jiġu miġġielda l-inugwaljanzi li qed jintensifikaw tal-Ewropa.

Fl-aħħar nett, l-Opinjoni ta’ Petru Sorin Dandea Sistemi ta’ sigurtà u protezzjoni soċjali sostenibbli fl-era diġitali  tindirizza forom ġodda ta’ xogħol bis-saħħa tad-diġitalizzazzjoni li ma jkunux protetti mil-leġiżlazzjoni dwar is-salarji, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà soċjali. Hija tappella għal regoli ġodda biex dawn jiġu identifikati, biex jiġu protetti l-ħaddiema u jiġu żgurati sistemi sostenibbli tas-sigurtà soċjali.

Permezz ta’ dawn l-Opinjonijiet, il-Grupp tal-Ħaddiema qed jippromovi elementi importanti ta’ Ewropa progressiva u ser jiġġieled biex jiżgura li l-istrumenti legali jiggarantixxu l-implimentazzjoni tagħhom. (mg)