“Unità”: il-koppla diġitali tal-Estonja fil-KESE

Matul ix-xahar ta’ Diċembru 2017, fil-pjan terran tas-sede tal-KESE nbniet installazzjoni blu b’koppla msejħa “Unità”. Il-viżitaturi li daħlu f’dan l-ispazju magħluq kellhom l-opportunità jesploraw u jgawdu xeni u pajsaġġi minn għadd ta’ pajjiżi tal-UE – l-Estonja, il-Greċja, il-Latvja, il-Litwanja u s-Slovakkja – li kienu proġettati fuq il-koppla minn iżjed minn tnax-il vidjokamera biex jipproduċu immaġni waħda ta’ 360°. L-installazzjoni, li għandha l-għan li toħroġ fid-dieher l-iżvilupp diġitali u l-viżjoni progressiva tal-Estonja, kienet tagħmel parti mill-avvenimenti organizzati mill-KESE fil-qafas tal-Presidenza Estonjana.(ck)