Impjegaturi qed jiddiskutu l-kummerċ mal-Kummissarju Malmström

L-impjegaturi jemmnu li l-komunità kummerċjali għandha rwol kruċjali x’taqdi fit-tixrid ta’ messaġġ pożittiv dwar il-kummerċ u f’li jispjegaw x’tista’ tagħmel u tikseb politika kummerċjali ambizzjuża. Huwa n-negozju li jista’ jirrakkonta l-istorja tal-benefiċċji prattiċi li jirriżultaw minn ftehimiet kummerċjali. Dan kien il-messaġġ prinċipali li l-membri tal-Grupp ta’ Min Iħaddem wasslu lil Cecilia Malmström, il-Kummissarju tal-UE għall-Kummerċ, waqt il-laqgħa tas-6 ta’ Diċembru 2017.

Il-Kummissarju ppreżentat il-qagħda attwali tan-negozjati kummerċjali tal-UE li għaddejjin bħalissa. Is-Sinjura Malmström enfasizzat li l-Kummissjoni qed tkompli bl-isforzi tagħha biex in-negozjati kummerċjali tagħmilhom trasparenti kemm jista’ jkun. Barra minn hekk, meta l-ftehim kummerċjali jidħol fis-seħħ, hemm bżonn li dan jingħata attenzjoni xierqa. “Nixtiequ li l-impjegaturi jkunu aktar involuti fl-ispjegar tal-benefiċċji tal-kummerċ”, qalet.

Il-politika kummerċjali Ewropea għandha tkun miftuħa u inklużiva iżda ma tistax tkun inġenwa u mingħajr kundizzjonijiet, saħaq is-Sur Jacek Krawczyk, President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem. Huwa ammetta li ir-ratifika tas-CETA se tkun proċess twil u diffiċli. Aktar ma tkun effettiva l-implimentazzjoni tal-applikazzjoni provviżorja, il-benefiċċji tas-CETA jistgħu jintwerew aktar lix-xettiċi u iktar ikun hemm ċans għal ratifika sħiħa

Matul id-diskussjoni, il-membri tal-KESE qajmu numru ta’ mistoqsijiet relatati ma’ aspetti varji tal-politika kummerċjali tal-UE. Il-membri assiguraw lill-Kummissarju li l-impjegaturi jappoġġjaw lill-Kummissjoni fit-twettiq ta’ aġenda tal-kummerċ Ewropea ambizzjuża ibbażata fuq is-sinċerità u r-reċiproċità. (lj)