Il-Premju għas-Soċjetà Ċivili Ewropea jippremja l-intraprenditorija ġenwina u l-promoturi ta’ impjieg ta’ kwalità

Il-proġett Ġermaniż Discovering hands, li jħarreġ lil nisa għomja jew b’diżabilità viżwali biex jużaw is-sens tal-mess superjuri tagħhom biex itejbu d-detezzjoni bikrija tal-kanċer tas-sider, ġie ppremjat EUR 14 000. L-erba’ inizjattivi l-oħra mill-Greċja, il-Belġju, l-Italja u Spanja ngħataw EUR 9 000 kull waħda.

L-inizjattiva REvive Greece tgħin lir-refuġjati, il-persuni li jfittxu asil u l-migranti biex jintegraw f’pajjiżi ospitanti billi tgħallimhom l-ipprogrammar tal-kompjuters u ddaħħalhom f’kuntatt ma’ intraprendituri żgħażagħ Ewropej. DUO for a JOB mill-Belġju huwa programm ta’ mentoring interġenerazzjonali u interkulturali li joffri servizz individwali bla ħlas ta’ sitt xhur għal migranti żgħażagħ li qed ifittxu xogħol, ipprovdut minn persuni ’il fuq minn 50 sena li għandhom esperjenza professjonali f’qasam simili għal tagħhom. Il-proġett Taljan Progetto Quid immexxi minn Cooperativa Sociale Quid huwa ditta tal-moda etika li tgħin lil gruppi vulnerabbli u żvantaġġati, bħal persuni li qed ifittxu asil u vittmi tal-iskjavitù, il-prostituzzjonali u l-vjolenza domestika, biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. Il-proġett Spanjol Laundry ID tal-Institute of Robotics for Dependency (IRD) għandu l-għan li joħloq impjiegi għal persuni b’diżabilitajiet f’servizz tal-ħasil tal-ħwejjeġ li ngħata disinn teknoloġiku ġdid u ġie adattat għall-ħtiġijiet tagħhom.

”Huwa bi pjaċir kbir u ta’ privileġġ li qed nagħti dan il-Premju lir-rebbieħa. Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nawguralhom u biex nagħti rikonoxximent mistħoqq ferm lill-individwi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li xogħolhom u l-impenn tagħhom biex ħajjet in-nies isiru aħjar huwa ta’ eżempju għal kulħadd,” qal il-President tal-KESE, Georges Dassis.

Il-ħames inizjattivi rebbieħa juru x’qed isir minn diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi madwar l-Ewropa biex jgħinu lil xi wħud mill-aktar gruppi vulnerabbli u żvantaġġati fis-soċjetà jidħlu fis-suq tax-xogħol. 

Il-Premju għas-Soċjetà Ċivili, li issa jinsab fid-disa’ edizzjoni tiegħu, jingħata għal “eċċellenza f’inizjattivi tas-soċjetà ċivili”.