Seminar tal-KESE jindirizza r-rwol tas-soċjetà ċivili tal-UE f'dinja ta' komunikazzjoni globalizzata

L-UE f’dinja ta’ komunikazzjoni globalizzata kienet it-tema tal-11-il Seminar tas-Soċjetà Ċivili dwar il-Midja, li sar f’Madrid fl-24 u l-25 ta’ Novembru .

Il-globalizzazzjoni tinfirex f’kull qasam, l-istess bħall-komunikazzjoni. Fil-fatt, il-globalizzazzjoni hija xprunata mill-komunikazzjoni u mit-teknoloġiji tal-komunikazzjoni. L-internazzjonalizzazzjoni tal-midja, suq tal-midja globali ddominat minn għadd żgħir ta’ ċentri enormi ta’ netwerking tat-teknoloġija, l-informatika u t-telekomunikazzjonijiet (TNC - technology, computing, and telecommunications), l-użu tal-algoritmi u l-midja soċjali qalbu d-dinja ta’ taħt fuq.

Fis-seminar, dawn it-trasformazzjonijiet u x-xejriet ġew esplorati minn tliet panels:

I. - Il-populiżmu – Kif is-soċjetà ċivili għandha tindirizza l-isfida tal-populiżmu?/strong>

II. - L-aħbarijiet fittizji – l-arma l-ġdida kontra l-midja?

III. - Kodiċi ta’ kultura – il-liċenzja tas-sewwieq għall-użu tal-midja soċjali?

Id-diskussjonijiet imqanqlin ma’ esperti mill-kamp akkademiku, il-midja u s-soċjetà ċivili wrew li t-tema hija waħda topika kif ukoll li s-soċjetà ċivili organizzata għandha rwol. L-involviment taċ-ċittadini huwa importanti fil-ġlieda kontra l-populiżmu, l-aħbarijiet fittizji, id-diskors ta’ mibegħda jew l-iżviluppi ksenofobiċi, iżda wkoll biex jitħarsu l-kultura u l-valuri Ewropej, ikkarratterizzati mid-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-libertà tal-espressjoni, u d-distribuzzjoni ġusta tal-ġid.

Il-KESE dalwaqt ser jippubblika rapport dwar is-seminar, li jinkludi l-messaġġi ewlenin tal-membri tal-panel u tal-udjenza. (sma)