Is-soċjetà ċivili titlob biex tkun minn ta’ quddiem fit-tfassil tal-ġejjieni tal-Ewropa

B’reazzjoni għaż-żieda fl-inugwaljanza, il-ħolqien tal-fiduċja u l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta għal kulħadd għandhom ikunu prijorità ewlenija ta’ kwalunkwe strateġija futura għall-Ewropa. Is-soċjetà ċivili temmen li għandha tkun involuta fit-tfassil, fil-governanza u fl-implimentazzjoni ta’ tali strateġija fit-tul. Dan kien il-messaġġ ewlieni ta’ avveniment ewlieni tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-KESE, konferenza intitolata It-tranżizzjoni għall-Ewropa ta’ wara l-2020 organizzata f’Budapest fis-27 u t-28 ta’ Novembru.

L-Istrateġija Ewropa 2020 qed tasal fi tmiemha fi żmien meta l-UE qed tiffaċċja sfidi kbar. L-istrateġija l-ġdida għall-ġejjieni għandha tkun orizzontali, orjentata lejn l-iżvilupp u lejn viżjoni fit-tul (2030 sa 2050) u mibnija fuq il-kunċett ta’ governanza parteċipattiva msaħħa, ikkonkludiet il-konferenza.

Fil-ftuħ tal-konferenza, il-President tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Ewropa 2020 fi ħdan il-KESE Etele Baráth enfasizza li l-għan tal-Istrateġija Ewropa 2020 għadu rilevanti. L-għan issa għandu jkun li tittejjeb il-governanza u jissaħħaħ aktar l-objettiv ta’ Ewropa “intelliġenti, inklużiva u sostenibbli”. Is-sostenibbiltà għandha tkun fil-qalba tal-istrateġija l-ġdida, enfasizza Luca Jahier, President tal-Grupp ta’ Interessi Varji tal-KESE.

L-avveniment, li kien organizzat bl-appoġġ tal-Assoċjazzjoni Ekonomika Ungeriża u Ministeru tal-Kapaċitajiet Umani, llaqqa’ membri tal-KESE u tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-UE u r-rappreżentanti tal-Gvern u s-soċjetà ċivili Ungeriżi. (sj/dm)