Il-Presidenza Bulgara tal-UE: sfida u opportunità

Il-Bulgarija qed tieħu r-riedni tal-Presidenza tal-UE f’idejha għall-ewwel darba f’mument diffiċli għall-Ewropa. Dan il-kompitu se jkun test importanti tal-kapaċità politika, amministrattiva u diplomatika tagħha. Il-Bulgarija qed tieħu approċċ responsabbli ħafna għall-ewwel presidenza tagħha u hija konxja mill-fatt li d-deċiżjonijiet tagħha se jkunu kritiċi għall-futur tal-Ewropa. Hija ser tfittex li tilħaq il-bilanċ it-tajjeb u tinkoraġġixxi kunsens ġenerali dwar kwistjonijiet ta’ prijorità. Il-Bulgarija qed tieħu approċċ realistiku u prammatiku għall-Presidenza tagħha. L-għan tagħha huwa li tiżviluppa pjan ta’ azzjoni ma’ kull pajjiż li jistabbilixxi passi tanġibbli iżda ma joħloqx aspettattivi mhux realistiċi.

Il-Bulgari jafu li huma magħrufa prinċipalment bħala wieħed mill-Istati Membri l-ġodda tal-UE, bl-agħar indikaturi ekonomiċi u soċjali, iżda din il-presidenza ser tiżvela xi fatti ftit li xejn magħrufa dwar pajjiżna u se tiffoka l-attenzjoni tal-Ewropa fuq il-wirt kulturali uniku tal-Bulgarija. Bħala l-eqdem stat fuq il-kontinent, il-Bulgarija żammet l-isem u l-post attwali tagħha fil-peniżola tal-Balkani għal aktar minn 1 300 sena. Wara l-adeżjoni tagħha mal-UE fl-2007, l-alfabett Bulgaru sar it-tielet alfabett Ewropew – wara l-alfabett Latin u dak Grieg. Il-pajjiż qatt ma fittex il-fama, iżda jidher li dan qed jinbidel f’vantaġġ għalih illum il-ġurnata. Il-Bulgarija taf dak li hu meħtieġ biex tippreżerva l-identità u l-ispirtu nazzjonali tagħha u qed tipprova tiżviluppa sens qawwi ta’ kburija nazzjonali. Hija konxja tal-valur tagħha iżda għadha kemxejn mistħija: faċli li wieħed isir iħobb dan it-teżor moħbi.

Il-Presidenza Bulgara se tiffoka fuq tliet kunċetti fundamentali: kunsens, kompetittività u koeżjoni:

  • kunsens dwar suġġetti ewlenin bħas-sigurtà, il-migrazzjoni, il-Balkani tal-Punent  li jipprovdu perspettiva Ewropea ċara għal dan ir-reġjun  u l-kooperazzjoni b’rabta mal-Baħar l-Iswed;
  • kompetittività fir-rigward tal-unjoni ekonomika u monetarja u t-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali, bi tħejjija għall-politika tal-Unjoni wara l-2020;
  • koeżjoni peress li l-futur tal-Ewropa jintrabat b’mod inseparabbli mal-politika ta’ koeżjoni tagħha, li tipprovdi valur miżjud liċ-ċittadini tal-UE u hija strument li ta prova tal-effettività tiegħu biex jitnaqqsu d-disparitajiet u jiġi żgurat li l-mudell Ewropew jagħmel suċċess.

Is-Saħħa fl-Għaqda se jkun il-motto tal-Presidenza Bulgara.

Il-Bulgari huma fiduċjużi li l-presidenza tagħna se tagħmel suċċess. L-ambizzjoni tagħna hija li nissodisfaw il-prijoritajiet stabbiliti fl-Aġenda tal-Kummissjoni għal unjoni iktar magħquda, aktar b’saħħitha u aktar demokratika. Nimpenjaw ruħna biċ-ċar li nkunu newtrali, ibbilanċjati u sodi fejn meħtieġ f’isem l-unità u s-solidarjetà.